L-Arkivju Sigriet tal-Vatikan
Intervista mal-Eċċellenza Reverendissima Tiegħu
Monsinjur Sergio Pagano B.
Isqof ta' Celene
Prefett tal-Arkivju Sigriet tal-Vatikan


1
Għaliex il-Knisja dejjem ħasset il-bżonn li żżomm l-atti u d-dokumenti dwar
l-attività tagħha b’dan il-mod sistematiku?
Iva, il-Knisja minn dejjem
ħasset dan il-bżonn mill-eqdem żminijiet iżda fuq kollox ikkonservat kodiċijiet
liturġiċi u memorji tal-martri u mħux dokumenti amministrattivi. Dan nafuh
mill-‘Liber Pontificialis’ mit-tagħrif li għandna dwar l-eqdem papiet. Għaliex
il-ħarsien tal-martirju ta’ tant fidili hawn f’Ruma kien bħallikieku il-ħarsien
tar-relikwi l-iżjed prezzjużi li l-Knisja, jiġifieri l-fidi, il-konverżjoni
għall-fidi fi Kristu. L-arkivju tal-Knisja Rumana, tal-papiet ta’ Ruma twieled
għalhekk bħala kustodja għajjura tar-relikwi tal-fidi. Wara ngħataw
lill-Knisja, speċjalment bl-għarfien ta’ Konstantinu, ġid, artijiet,
amministrazzjoni ta’ artijiet u ħwejjeġ oħra u dawn id-dokumenti ukoll, bħala
dokumenti ta’ pussess ddaħħlu fl-arkivju tal-Papiet. Iżda l-biċċa l-kbira
fil-parti l-antika, l-antika tal-aħħar u dik medjevali proprja u ta’ tip
pastorali, ġuridiku, amministrattiv u reliġjuż. Naturalment il-ħarsien ta’ dawn
il-karti kien ifisser il-ħarsien tat-tifkira tal-mixja tal-Knisja stess. Jew
bħalma qal Pawlu VI ‘It-tifkira tal-mixja ta’ Kristu fid-dinja permezz
tal-Knisja Tiegħu’. Din għadha
l-ispirazzjoni li tmexxina biex inħarsu dawn il-karti.
2
Fl-arkivju hemm xi taqsima
iżjed importanti mill-oħrajn?
Aħna qatt ma ngħoddu ħaġa bħala iżjed
importanti minn oħra. Għaliex fl-arkivistika d-dokumenti kollha huma kif ngħidu
bi kliem tekniku ‘ A valutabili’,
jiġifieri li m’għandhomx jingħaddu ta’ valur aqwa għaliex antiki jew
anqas antiki, iżjed importanti jew anqas importanti għaliex kull dokument fih
innifsu hu importanti anke l’iċken, l-iżjed nieqes mill-lat ta’ sbuħija li ma
fihx tiżjin, li mħux dokument solenni iżda pjuttost normali, ta’ kull jum,
għandu l-importanza tiegħu għaliex jixhed azzjoni ta’ prelat, ta’ fidil, ta’ xi
assoċjazzjoni. Kollox hu importanti bl-istess mod għaliex kollha jixħdu
il-ħajja tal-Knisja fid-dinja u naturalment għalina speċjalment tal-Kurja
Rumana.
3
X’importanza għandu l-arkivju Sigriet
tal-Vatikan għall-Knisja u għall-Papa? X’inħu r-rwol li jaqdi?
L-importanza tal-arkivju għall-Papa u
għas-Santa Sede in ġenerali ġej mill-fatt li l-Papiet jisiltu mir-reġistri tal-predeċessuri
tagħhom, mill-atti miktuba tal-predeċessuri tagħhom l-istess norma
għall-imġieba tagħhom jew għallinqas il-presupposti jew kif ngħidu aħna
il-preċedent, ta’ azzjoni ta’ xi predeċessur tagħhom dwar xi tema reliġjuża,
dogmatika, morali, dixxiplinari u għalħekk l-arkivju li jħares il-karti kollha
tal-predeċessuri tal-Papiet u tal-Kurja tagħhom hu strument ta’ għerf
għall-Papa u għall-Kurja tiegħu, illum bħalma dejjem kien tul is-sekli. Madankollu ż-żminijiet jinbidlu u l-Papiet
minn żmien għal żmien ikunu iżjed miftuħa għall-ħtiġiet tad-dinja. Għalhekk
dokument ta’ żewġ jew tliet sekli ilu mħux bilfors ikun f’qagħda li jinfluenza
deċiżjoni ta’ llum. Iżda għallinqas il-Papa jkun mgħarraf bil-preċendenti li
jkunu seħħew dwar dik il-problema li tkun.
4
Kemm hemm nies jaħdmu fl-Arkivju Sigriet
tal-Vatikan?
Bħalissa qedin b’kollox ħamsa u ħamsin ruħ bejn
arkivisti, skrivana, prefett, viċi prefett, mbagħad assistenti fis-sala,
restawraturi, legaturi, u tal-informatika. Għalħekk ftit ħafna. Għax jekk
tqabbilna mal-arkivji tal-istat il-kbar, aħna n-nofs li hemm fl-arkivji
tal-istat il-kbar. Is-Santa Sede mill-finanzi tagħha tagħmel sforż qawwi ħafna
biex iżżomm dan in-numru ta’ uffiċjali fl-arkivju li ovvjament jiswa (sew)
billi l-arkivju jintuża b’xejn mir-riċerkaturi tad-dinja kollha. Il-Papa jżommu
miftuh b’xejn iżda l-ispiża hi għolja. Nittamaw li l-Papa ’l quddiem
jippermettilna żieda fin-numru iżda naturalment ma naħsibx li jkun numru kbir
għax l-ispejjeż huma kbar.
5
Il-Gran Mastru tat-Templari Jacques de Molay: Ikkundannat għal-mewt u ġie maħruq qrib Notre Dame fit-18 ta' Marzu 1314

Il-Gran Mastru tat-Templari Jacques de Molay: Ikkundannat għal-mewt u ġie maħruq qrib Notre Dame fit-18 ta' Marzu 1314
Eċċellenza, tista’ ssemmi tliet dokumenti
mfittxija fl-arkivji? Tista’ tikkummenta dwarhom?
Mela l-arkivju għandu erba u tmenin, ħamsa u
tmenin kilometru ta’ dokumenti. Għalhekk f’dan is-sema bla tarf insibha
impossibbli li nagħżel tnejn jew tlieta. Iżda dawk li jsemmu dawk li jiġu
jżuruna jew għal xi wirja jew biex jaraw il-kotba impinġija li għandna,
jiġifieri dawk li jimpressjonaw l-iżjed huma il-proċess ta’ Ġalileo, il-proċess
tat-Templari, l-iskomunika ta’ Fredriku II, il-kruċjati, l-iskoperta
tal-Amerika u għalhekk il-Bolla ta’ Alessandru VI jew ir-riforma tal-kalendarju
Gregorjan, jiġifieri l-ġrajjiet storiċi l-iżjed li għamlu ħoss. Dawn jiġbdu
l-attenżjoni iżda jien bħala prefett għandi nagħti l-istess attenzjoni li
nagħti lil Galileo jew lil Kepler jew lil Koperniku jew lil Thomas More lil,
fejn naf jien, lir-rapport ta’ xi nunzju apostoliku tal-iżjed pajjiż imwarrab
tad-dinja billi għalija dik ukoll hi dokumentazzjoni tal-knisja, tal-Apostolat,
tal-Knisja fid-dinja u għalhekk għandħa l-istess importanza li għandu xi
dokument solenni...hekk.
6
Is-'Sala Lettura Multimediale', fl-Arkivju Sigriet tal-Vatikan

Is-'Sala Lettura Multimediale', fl-Arkivju Sigriet tal-Vatikan
Illum kemm hu importanti l-Arkivju Sigriet
tal-Vatikan għall-istudjużi u kemm jistmawh?
Minn meta fetħu il-Papa Ljun XIII fl-1881,
l-arkivju dejjem baqa’ għajn importanti ħafna mħux biss għall-istorja
tal-Ewropa għaliex l-ewwel pajjiżi li ġew jistudjaw id-dokumenti
sistematikament kienu l-Ġermaniżi, il-Franċiżi, il-Belġjani, l-Olandiżi,
l-Irlandiżi naturalment l-Ispanjoli, it-Taljani eċċetra ... iżda wara baqgħu
ġejjin dejjem iżjed studjużi mill-Amerika Latina u llum numru dejjem jikber
mill-Asja, mill-Ġappun, mill-Indja min-Sri Lanka, minn xi pajjiżi tal-Lvant
wara li ntemm il-kommuniżmu. Ġew jistudjaw l-għejun tagħhom b’rabta ma’ studju
storiku nazzjonali iżjed kritiku, għalhekk l-Arkivju tal-Vatikan tista’ tgħid
għall-parti tal-bidu tal-aħħar tal-medjuevu, (l-istorja) moderna tista’ tgħid
sat-Tieni Gwerra Dinjijia. L-Arkivju hu sors li wieħed ma jgħaddix mingħajru.
Kull pajjiż fid-dinja jista’ jsib dokumenti li jixhdu r-rabta tas-Santa Sede
ma’ dak il-pajjiż. Għalhekk l-istudjużi huma ħafna. Għandna medja ta’ xi sittin
jew sebgħin studjuż kulljum mill-pajjiżi kollha tad-dinja fosthom minn Malta,
għalhiex ġew minn Malta (ukoll) u għamlu xogħol siewi. Minn Malta naf
lill-Kanonku Borġ...(jismu) xi ħaġa ħekk. Kiteb żewġ kotba dwar il-Knisja
f’Malta. U jiġu minn kull rokna tad-dinja u għalhekk nistgħu ngħidu li
l-Arkivju Siġriet tal-Vatikan hu għajn li l-istoriċi ma jgħaddux mingħajra.
7
Liema huma ż-żminijiet storiċi l-iżjed ikkonsultati?
Naħseb li sa għoxrin jew tletin sena ilu kien il-medjuevu,
wara l-istudjużi dawwru ħarsithom iżjed lejn iż-żmien modern: is-seklu ħmistax,
sittax, sbatax, ir-rivoluzzjoni Franċiża u żmien Napuljun. Illum hemm taħlita,
hemm studjużi li jibqgħu jistudjaw il-medjuevu, iżda saru l-ftit. Ukoll minħabba li llum ftit huma dawk li jafu
l-Latin li tlifnih mill-universitajiet Ewropej, dan għawġ kbir għall-istudju
tas-sorsi. Imbagħad parti kbira minnhom jistudjaw iż-żmien modern is-sekli
erbatax, ħmistax, sittax. Parti daqsa jistudjaw l-illumeniżmu u ż-żmien tar-rivoluzzjonijiet.
Imbagħad bosta nies ikkonċentraw fuq l-istorja iżjed riċenti bejn l-ewwel u
t-tieni gwerra dinjijia. Insomma fosthom
insibu dawn il-perjodi kollha.
8


Gwanni XXIII Pawlu VI BenedittuXVI
Liema kienu l-Papiet fi żminijiet moderni li l-iżjed stmaw l-Arkivju
Sigriet?
F'dan is-sens nistgħu nsemmu lil Ġwanni XXIII, Pawlu VI u lil Benedittu XVI.
9
Is-Serv t'Alla, l-Papa Piju XII

Is-Serv t'Alla, l-Papa Piju XII
S’issa x’jista’ jsib riċerkatur fl-Arkivju Sigriet dwar il-Pontifikat
il-Kbir tal-Papa Piju XII?
Mela, s’issa infetħu in-nunzjaturi tiegħu meta
Eugenio Pacelli kien nunzju l-ewwel fil-Bavarja u mbagħad f’Berlin sal-1939 u
dawn diġà miftuħin u studjati ħafna. Qed jiġu ppubblikati l-atti ta’ Pacelli
meta kien nunzju minn kumpanija ta’ sorsi Ġermaniżi b’kollaborazzjoni
mal-arkivju. Qed jiġi studjat ukoll id-dejtabejz tal-uffiċċju informazzjoni
tal-Vatikan dwar il-priġunjieri tal-gwerra. Dan dejtabejż li ried jiftħu qabel
iż-żmien il-Papa Ġwanni Pawlu II billi d-dejtabejz jkopri l-gwerra kollha
sal-1947, li meħud għaliħ, għadu perjodu magħluq għalina. Iżda l-Papa ried
jiftħu...dan l-arkivju hu arkivju speċjali, għalih waħdu, li s-soltu ma jmissx
ma’ arkivji oħra u li jirrigwarda r-riċerka li għamlet is-Santa Sede skond
ix-xewqa tal-Papa Piju XII tal-priġunieri kollha mxerrda kemm fil-Ġermanja kemm
f’kampi ta’ konċentrament saħansitra fl-Affrika, fl-Istati Uniti, mgħobbija fuq
xi vapur. Kullma kien ikun hemm bżonn kien li xi familja, xi omm, xi mara, xi
iben jew xi neputi jitolbu xi tagħrif lill-Papa dwar qrabathom huma u jibagħtu
l-isem u l-kunjom, l-età eċċettra u s-Santa Sede kienet tfittex permezz
tan-nunzji, kappillani, permezz tal-kappillani militari, l-ordnijiet reliġjużi
kollha possibbli biex tikseb tagħrif u aħna għandna l-fajls tat-tfittxija ta’
tagħrif, il-messaġġi ta’ tagħrif u naslu sal-punt meta kienu jgħidulhom kienx
ħaj jew mejjet, jekk kien miet fejn kien midfun saħansitra bin-numru tal-qabar
fejn kien midfun eċċettra eċċettra. Kienet opra ta’ karità mill-akbar. Għanda
l-fajls ta’ żewġ miljuni u nofs priġunieri mfittxija madwar id-dinja. Dan diġà
jista’ jiġi kkonsultat.
10
Minbarra l-aċċess li ngħata għad-dokumenti dwar
il-pontifikat tal-Papa Piju XII, xi proġetti hemm għas-snin li ġejjin?
Il-ftuħ tal-Pontifikat tal-Papa Piju XII qed
jistenna biss lill-Papa. Il-Papa, u għalhekk aħna, qedin inlestu iżda aħna ma
nkunux nafu meta l-Papa se jiftħu jew kif bi ħsiebu jiftħu iżda qedin nitħejjew
billi x-xogħol ta’ preparazzjoni ta’ dan il-materjali hu kbir ħafna u wara
nistennew li bil-ftuħ tal-pontifikat tal-Papa Piju XII ħafna ħafna studjużi
jiġu għax l-interess hu kbir kemm mill-istudjużi tal-aħħar gwerra, kemm
minn-naħa tal-olokawst Lħudi, kemm minn-naħa tal-Politika tas-Santa Sede lejn l-Italja
iżda wkoll biex jistudjaw lill-Papa mill-lenti tal-gvern tal-Knisja, mhux biss
l-hekk imsejjah skiet tiegħu li qajjem tant agħa iżda ukoll d-duttrina tiegħu,
it-teoloġija tiegħu. Dak li ħalla l-Papa Piju XII hu monument tal-ħsieb li
m’għandniex nissottovalutawh u għalħekk se jkunu ħafna d-direżżjonijiet ta’
riċerka dwar dan il-Papa.
11

Id-dokumenti li jitħarsu fl-Arkivju kemm swew ta’ għajnuna lill-Knisja biex
tiffaċċja problemi attwali?
Illum id-dinja tinbidel b’ħeffa kbira, kif taf
int. Darba il-bidla kienet mal-ġenerazzjonijiet. Illum tgħaddi minn sena
għall-oħra bi progress kbir jew bis-saħħa jew minħabba t-telekomunikażżjoni li
jaħkmuna....Naħseb li l-istudju tad-dokumenti li għandna dwar daqshekk problemi
tal-Knisja, tal-pajjiżi, tal-politika dinjijia ikun ta’ siwi għallinqas biex
ikunu prudenti, (naħseb) li dak biss ikun pass kbir ‘l quddiem... Biex inkunu
prudenti aħna u nieħdu deċiżjonijiet, biex inkunu prudenti biex niżnu kull
aspett tal-problema. Spiss il-pajjiżi, il-politika internażżjonali,
il-gazzetti, il-meżżi ta’ komunikazzjoni jimxu b’ħeffa kbira iżda mingħajr ma
jirreflettu. Mentri l-Knisja għandha dokumenti, materjal, raġuni għaliex
tirrifletti qabel ma titkellem dwar il-ħafna aspetti u meta, wara, l-Knisja
titkellem, wieħed ikun jista’ jemmen li wara (kliemha) jkun hemm xi studju,
dokumentażżjoni fondata kif jixraq.
Grazzi ħafna.
No comments:
Post a comment