Friday, 28 September 2012

L-istorja tal-kardinalat u l-irwol tal-kardinali fil-Knisja tal-lum


L-istorja tal-kardinalat u l-irwol tal-kardinali fil-Knisja tal-lum


Il-Kardinali: Il-kollaboraturi stretti tal-Papa

L-Eminenza Reverendissima Tiegħu
Il-Kardinal Tarcisio Bertone, S.D.B
Kardinal Isqof tal-Knisja Suburbikarja ta' Frascati
Segretarju tal-Istat tal-Istat tal-Vatikan

Frank Zammit mal-E.R.T. Il-Kardinal Tarcisio Bertone, S.D.B.


L-E.R.T. Il-Kardinal Tarcisio Bertone, S.D.B.

"Il-Kardinal fil-ġerarkija tal-Knisja huwa wieħed mill-kollaboraturi ewlenin tal-Papa. Wieħed minn dak li jikkostitwixxu kif storikament kien ġie definit bħala s-Senat tal-Papa. Il-kreazzjoni tal-kardinali tmur lura għal madwar elf sena. Madwar is-sena elf u ħamsin u s-sena elf u disgħa u ħamsin. Minn dak iż-żmien, il-grupp tal-kardinali, is-senat tal-kardinali kien kostitwit prinċipalment bil-kompetenza tal-elezzjoni tal-Papa, is-Suċċessur ta’ Pietru, u wara bil-kompetenza l-oħra dik ta’ kollaborazzjoni għal kawżi ta’ materji importanti u delikati li jassistu fihom lill-Papa anke fl-iggvernar mhux biss tal-Knisja ta’ Ruma imma wkoll tal-Knisja Universali. Illum il-Kulleġġ Kardinalizju huwa mifrux mal-erbat irjieħ tad-dinja u kompost minn personalitajiet illustri ekkleżjastiċi u kattoliċi li jappartjenu lil diversi pajjiżi fid-dinja." L-E.R.T. Il-Kardinal Tarcisio Bertone, S.D.B. - 24.01.2012

Brasão Card. Saraiva Martins.jpg

L-Eminenza Reverendissima Tieghu
Il-Kardinal Jose' Saraiva Martins, C.M.F.
Kardinal Isqof tal-Knisja Suburbikarja ta' Palestrina

Frank Zammit mal-E.R.T. Il-Kardinal Jose' Saraiva Martins, C.M.F.

X’inhu l-kardinalat?

Il-kardinalat huwa l-ogħla dinjità ekkleżjastika fil-Knisja Kattolika Appostolika Rumana, u inferjuri biss għar-rwol tal-Papa s-Suċċessur ta’ Pietru fuq din l-art. Il-Kardinal huwa dak il-Prelat l-aktar viċin u konsulent tal-Papa fl-iggvernar tal-Kurja Rumana u tal-Knisja Universali.

Ix-xogħol fundamentali tal-Kardinali u tal-Kulleġġ Kardinalizju huwa wkoll li jivvutaw għas-Suċċessur ta’ Pietru, il-Prinċep tal-Appostli jew jiġu eletti għal dan l-uffiċċju. Għaliex il-Kardinali li jipparteċipaw għall-Konklavi jistgħu jeleġġu anke lil dawk li jkunu qabżu t-tmenin sena u mhux permessibbli għalihom li jattendu għall-elezzjoni.

Il-Papa jista’ jaħtar kemm kardinali li jkunu m’għalqux it-tmenin sena u għalhekk ikunu membri eletturi fil-Kulleġġ Kardinalizju jew inkella prelati li jkunu qabżu l-età ta’ tmenin sena u għalhekk ma jkollhomx vot fil-kulleġġ kardinalizju iżda jelevahom għall-kardinalat ‘Ad Honorem’ sabiex jirringrazzjahom għas-servizz twil u impekkabbli li jkunu taw lill-Knisja Kattolika.


Minn fejn oriġinat il-kelma ‘kardinal’?

Il-kelma kardinal hija kelma medjevali li ġejja mill-kelma latina ‘cardo’ jew ‘cardonis’ li tfisser ‘pern’, ċentru, punt ta’ riferiment. Din il-kelma għall-ewwel kienet tintuża għall-presbiteri, għall-miktuba u li jkunu inkardinati fi knisja episkopali, jiġifieri fil-pern tad-djoċesi. Aktar m’għadda ż-żmien din il-kelma kardinali bdiet tiġi applikata għall-kleru, għall-presbiteri ta’ Ruma li kienet iċ-ċentru, il-pern mhux tad-djoċesi iżda tal-Knisja Universali. Allura l-kelma kardinal ġejja mill-kelma latina ‘cardo’, u li tfisser pern, ċentru.


San Silvestru I

 Minn meta kien ġie istituzzjonalizzat il-kardinalat?

Wieħed isib il-kardinalat bħala istituzzjoni sa mir-raba’ seklu wara Kristu fi żmien il-Pontifikat tal-Papa San Silvestru I, l-istess Papa li mexxa l-Konċilju ta’ Nicea kif ukoll li kien l-istess Suċċessur ta’ Pietru li ta l-permess lill-Imperatur Kostantinu sabiex jibda jibni l-Bażiliċi l-kbar f’Ruma fosthom dik ta’ San Pietru fuq il-‘Colle Vaticane’. Dan wieħed jista’ jsibu faċilment fuq il-‘Liber Pontificalis’.
Dan is-Suċċessur ta’ Pietru ggverna l-Knisja Universali bejn it-314 u t-335 wara Kristu. Allura f’dak iż-żmien dan il-Papa kien diġà beda juża s-servizz tal-presbiteri ta’ Ruma fl-iggvernar tal-Knisja Universali. Dan huwa importanti ħafna.


Kif jaħdem il-Kulleġġ Kardinalizju?

Il-Kulleġġ tal-Kardinali bħala kulleġġ ta’ prelati jaħdem b’regoli propji, konkreti u preċiżi u li wħud minn dawn ir-regoli jmorru lura għal mijiet ta’ snin, sekli ’l bogħod. Il-Knisja fis-seklu li għadu kif għadda riedet taddatta l-Kulleġġ tal-Kardinali bir-regoli tiegħu għal żminijietna. Il-Knisja stabbiliet 
tibdil u li wħud minnhom huma importanti ħafna.

Chiesa S.Agapito 2.jpg
Il-Knisja Suburbikarja ta' Palestrina

Xi rwol għandhom it-tliet ordnijiet tal-kardinalat? X’inhuma l-Knejjes Suburbikarji?

Il-Kulleġġ tal-Kardinali hu maqsum fi tliet ordnijiet, il-Kardinali Isqfijiet, il-Kardinali Presbiteri kif ukoll il-Kardinali Djakni. Dawn l-ordnijiet jirriflettu t-tliet gradi tal-ministeri jiġifieri s-sagrament tal-ordni: id-djakonat, il-presbiterat u l-episkopat. Għalhekk jirriflettu s-sagrament tal-ordni li riedu u bnieh Kristu. Dan ifisser li l-Kardinali Isqfijiet jirrappreżentaw lill-isqfijiet kollha tad-dinja, il-Kardinali Presbiteri jirrappreżentaw lis-saċerdoti kollha tad-dinja filwaqt li l-Kardinali Djakni jirrappreżentaw lid-djakni kollha tad-dinja. Għalhekk is-sinifikat tagħhom huwa ċar għall-aħħar.

Il-Kardinali Isqfijiet li huma sitta jmexxu l-knejjes suburbikarji ta’ Ruma. Dawn il-knejjes għandhom is-sede tagħhom f’Ostia, Albano, Frascati, Palestrina, Porto-Santa Rufina, Sabina Poggio-Mirteto u Velletri Segni. Minbarra r-responsabilità tas-Sede li l-Kardinal Dekan diġà jkollu, jieħu wkoll it-tmexxija tal-Knisja Suburbikarja ta’ Ostia. Ma’ dan l-Ordni ta’ Kardinali jidħlu wkoll il-Patrijarki tal-Lvant.  

Dawn is-seba’ knejjes suburbikarji huma mdawra mal-periferija ta’ Ruma li kienu mibdija mill-Knisja Primittiva fi żmien l-evanġilizzazzjoni ta’ San Pietru. Meta San Pietru wasal Ruma ma marx fil-Belt Eterna mill-ewwel iżda pprietka fil-madwar tagħha u kien bena dawn is-seba’ komunitajiet ta’ Kristjani.

Għalhekk meta l-Papa jeleva lil xi kardinal mill-ordni tal-presbiteri jew tad-djakni għall-ordni tal-isqfijiet jafdalu taħt idejh waħda minn dawn il-knejjes suburbikarji propju għax huma knejjes ta’ prestiġju kbir u li kienu ffundati minn Pietru nnifsu.   
Il-Kardinali Presbiteri jkollhom fir-responsabilità tagħhom l-aktar arċidjoċesijiet importanti strateġikament madwar id-dinja filwaqt li l-Kardinali Djakni jwettqu d-djakonija tagħhom fil-Kurja Rumana.

21.11.1970- Permezz tal-'Moto Proprio Ingravescentem Aetatem' il-Papa Pawlu VI elimina l-parteċipazzjoni mil-konklavi tal-kardinali li jkunu għalqu t-tmenin sena.


Tista’ tiżvelalna l-akbar u l-aktar tibdiliet importanti fl-istituzzjoni tal-kardinalat mill-bidu tiegħu sal-lum?

F’dak li jirrigwarda l-funzjonijiet prinċipali tal-Kulleġġ tal-Kardinali wieħed ma jistax jgħid li kien hemm xi tibdil kbir tul l-istorja tiegħu. It-tibdil il-kbir seħħ fis-seklu l-ieħor. Meta kien iddaħħal il-prinċipju li ma baqax jippermetti l-kardinali li jkunu għalqu t-tmenin sena milli jipparteċipaw f’konklavi. U għalhekk ma setgħux jibqgħu jeleġġu lill-Papa. Jibqgħu kkunsidrati bħala membri fil-Kulleġġ tal-Kardinali, setgħu anke jibqgħu jattendu u jassistu fil-kongregazzjonijiet ġenerali ta’ qabel il-konklavi. Int taf tajjeb li ġimgħa qabel il-konklavi l-kardinali jiltaqgħu f’kongregazzjonijiet ġenerali sabiex jiddiskutu l-problemi tal-Knisja tal-lum. Dawk li jkunu għalqu t-tmenin sena jibqgħu jattendu f’dawn il-laqghat però għalihom ma jkunx permess li jipparteċipaw fil-konklavi. Naturalment din kienet bidla mhux żgħira, madankollu ma nistgħux ninsew li dik kienet bidla ta’ dritt ekkleżjastiku. Mhux ta’ dritt divin. Jekk il-Papa jkun irid jista’ jibdel dan ir-regolament meta jrid hu. Dan sabiex inkunu ċari. Mhuwiex xi prinċipju li jista’ jibqa’ hemm għal dejjem.


Kif żviluppa n-numru tal-membri tal-Kulleġġ Kardinalizju tul is-sekli?

Fil-Medju Evu kien hemm varjazzjoni kbira. Ma kienx hemm numru fiss. Lejn tmiem is-seklu sittax, il-Papa Sistu V kien stabbilixxa li l-kardinali ma jaqbżux il-kwota ta’ sebgħin membru fil-kulleġġ kardinalizju ... Għalhekk sebgħin kardinali. Allura lejn tmiem is-sittax-il seklu din il-kwota kienet ġiet miżjuda. U Ġwanni Pawlu II, fuq kulħadd, qabeż sew il-livell ta’ sebgħin kardinal fil-kulleġġ tal-kardinali, kif nafu sew. Illum il-kardinali jammontaw għal madwar mitejn membru.

Il-Konċistorju tal-21 ta' Frar 2001: It-Tagħnniqa bejn il-Papa u l-Kardinal Jose' Saraiva Martins, C.M.F.


Eminenza tista’ tispjegali t-tapep kollha li prelat irid jgħaddi minnhom minn meta jsir jaf li se jkun ikkreat kardinal sar-rit tal-konċistorju?

Qabel kollox irid ikun hemm it-tħabbira finali li l-Papa jkun iddeċieda li se jikkrea numru ta’ kardinali ġodda. Wara jsiru l-ordinazzjonijiet episkopali tal-kandidati għall-kardinalat li l-Papa jkun se jaħtar fi ftit ġimgħat wara. Dan huwa l-prinċipju ġenerali għax hemm ftit kardinali li mhumiex isqfijiet. Għalhekk wara li l-Papa jħabbar l-ismijiet tal-kardinali l-ġodda jseħħu l-ordinazzjonijiet episkopali. F’każijiet eċċezzjonali pereżempju xi prelati anzjani li jkunu diġà għalqu t-tmenin jew id-disgħin sena, il-Papa jista’ jagħtihom id-deroga sabiex ma jingħatawx l-ordinazzjoni episkopali. Fil-konċistorju ta’ qabel tal-aħħar kien hemm żewġ prelati li ma ġewx midluka fl-episkopat.

Wara sseħħ il-kreazzjoni kardinalizja f’konċistorju, fl-ewwel konċistorju mit-tħabbira tal-Papa. U naturalment f’dak il-konċistorju l-kardinal il-ġdid jingħata l-uffiċċju mill-Papa, dak tad-djakonija jew tal-presbiterat, imma mhux dak episkopali kif diġà għedt qabel. Dan huwa fundamentali. Il-Papa jagħtihom iċ-ċurkett, iz-zukkett eċċ., eċċ. Hekk wieħed isir kardinal.

L-Arċisqof ta' Brazzaville, Congo l-Kardinal Emile Biayenda: Wieħed mit-tlett kardinali li ġew assassinati fis-seklu l-iehor.

Għaliex jintuża l-kulur aħmar fl-ilbies kardinalizju?

Għaliex l-aħmar huwa sempliċi ħafna. L-aħmar huwa simbolu. Il-fatt li l-kardinal jilbes l-aħmar, jiġifieri li jkunu disposti li jagħtu ħajjithom fil-martirju u għalhekk l-aħmar jiġifieri martri sabiex jiddefendu l-Knisja u l-Papa. Allura l-aħmar huwa hekk, jindika d-disponibilità tal-kardinali li jkunu martri. Għall-imħabba lejn il-Knisja.”

Il-libsa korali, l-mitra, z-'zuchetto' u l-faxxa l-ħamra.

X’tip ta’ ħwejjeġ jilbes il-porporat?

Il-porporat? Il-libsa użata għall-kor, is-suttana l-ħamra, il-faxxa l-ħamra, imbagħad ir-rukkett l-abjad, il-mantell l-aħmar, il-‘mozzetta’ kif ukoll iz-‘zuchetto’ l-aħmar. Dan huwa l-mod ordinarju ta’ kif kardinal għandu jilbes. Din hija l-libsa korali fi kliem tekniku. Wara fil-ħajja privata tiegħu jista’ jilbes is-suttana filettata bħal pereżempju dik li liebes jien jew inkella jista’ jilbes bħal saċerdot bis-salib fuq sidru. Dan hu l-ilbies tal-kardinal.

Il-Beatu Papa Piju IX: Ikkreja l-ewwel kardinal mill-Istati Uniti


Min kien beda jinternazzjonalizza lill-Kulleġġ Kardinalizju?

Dan il-fatt beda bl-espansjoni tal-evanġelizzazzjoni, bl-evanġelizzazzjoni ta’ ħafna pajjiżi, mhux Ewropej jew Taljani iżda minn pajjiżi mill-kontinenti l-oħra. Beda jinħass dan l-espansjoni tal-vanġelu, dan it-tkabbir tal-Knisja u għalhekk kien neċessarju li jiġu espressi dawn ir-realtajiet ġodda ekkleżjali u missjunarju anke fil-livell tal-Kulleġġ Kardinalizju. Allura l-Beatu Piju IX kien l-ewwel Papa li kkrea kardinali mhux Ewropej iżda ġejjin mill-Istati Uniti kif ukoll mill-Kontinent Amerikan. Piju IX. Wara, Piju XII fiż-żewġ konċistorji li għamel tul id-dsatax-il sena ta’ Pontifikat eleva erbatax-il isqof Taljan kif ukoll tnejn u erbgħin barrani mill-erbat irjieħ tad-dinja. Din hi importanti għal min ma jafhiex.

Il-Prefetti u l-Presidenti tal-Kurja Rumana, f'laqgħa mportanti mal-Q.T. Il-Papa Benedittu XVI


Xi rwol għandu l-Kardinal-Prefett fil-Kurja Rumana?

Wieħed għandu jitlaq b’din il-veduta. Fil-Kurja Rumana hemm żewġ pożizzjonijiet differenti. Hemm il-Kongregazzjonijiet kif ukoll hemm il-Kunsilli Pontifiċji. Huma żewġ realtajiet diversi. Filwaqt li l-kongregazzjonijiet għandhom poteri eżekuttivi ma jistax jintqal l-istess għall-Kunsilli Pontifiċji. Dawn il-Kunsilli m’għandhomx poteri eżekuttivi u jibqgħu fl-isfond tat-tipoloġija tagħhom. Din hija l-premessa. Ir-rwol ta’ Prefett f’kongregazzjoni huwa dak ta’ kap tagħha. Hu li jmexxi l-kongregazzjoni u hu li jidher quddiem il-Papa sabiex jispjegalu x-xogħol tad-dikasteru afdat lilu. Hemm disa’ Kongregazzjonijiet u ħdax-il Kunsill Pontifiċju. Naturalment il-Prefett għandu x-xogħol delikat tal-gwida tad-dikasteru. Imma naturalment ikun anke megħjun mill-kollaborazzjoni prezzjuża tas-segretarju tal-istess dikasteru li jkun dejjem fi grad ta’ arċisqof f’kongregazzjoni. Is-sottosegretarju jagħti l-għajnuna tiegħu wkoll imma r-responsabilità finali tibqa’ dejjem f’idejn il-Kardinal Prefett dejjem megħjun mill-kollaboraturi tiegħu. Filwaqt li juża l-kolleġġjalità hu jibqa’ responsabbli għat-tmexxija tad-dikasteru. Hemm differenza oħra bejn kongregazzjoni u kunsill pontifiċju. Min ikun kap ta’ kongregazzjoni dejjem ikun kardinal, min imexxi Kunsill Pontifiċju mhux neċessarju li jkun kardinal. Hemm diversi Kunsilli Pontifiċji li m’għandhomx kardinal bħala mexxej tagħhom. Waqt li l-mexxejja tal-Kongregazzjonijiet jissejħu Prefetti dawk tal-Kunsilli jissejħu Presidenti. Din hija differenza oħra. Imma l-prinċipju jibqa’ li min hu prefett dejjem ikun kardinal filwaqt li president mhux neċessarjament li jkun kardinal.

Is-Segretarju tal-Istat, l-E.R.T. Il-Kardinal Tarcisio Bertone flimkien mal-President tar-Repubblika Taljan l-E.T. Giorgio Napolitano


X’inhu r-rwol tal-Kardinal Segretarju tal-Istat?

Ir-rwol tal-Kardinal Segretarju tal-Istat huwa sempliċiment li jkun viċin il-Papa u jgħinu fl-affarijiet ta’ kuljum kif ukoll fir-relazzjoni tas-Santa Sede mal-pajjiżi tad-dinja.

Il-Kardinal Dekan, l-E.R.T. Il-Kardinal Angelo Sodano, jidher viċin il-Q.T. il-Papa Benedittu XVI


U r-rwol tal-Kardinal Dekan?

Ir-rwol tal-Kardinal Dekan huwa dak li se ngħidlek. Huwa jokkupa l-ewwel post fil-lista tal-kardinali, hu jmexxi lill-Kulleġġ Kardinalizju, jirrappreżenta l-Kulleġġ Kardinalizju, li jitkellem f’isem il-Kulleġġ Kardinalizju u huwa wkoll dak il-kardinal li fil-konklavi jistaqsi lil dak li jkun għadu kif ġie elett għall-papat jekk jaċċettax l-elezzjoni tiegħu. Hu li jagħmel din il-mistoqsija lil dak li jkun għadu kif ġie elett Papa.

L-E.R.T. Il-Kardinal Eduardo Martinez Somalo kien il Camerlengo fl-era tas-'Sede Vacante' tal-2005


Xi rwol għandu l-Kardinal ‘Camerlengo’?

Ir-rwol tal-Kardinal ‘Camerlengo’ huwa li jżomm taħt ir-responsabilità tiegħu lis-Santa Sede tul il-perjodu tas-‘Sede Vacante’.

L-E.R.T. Il-Kardinal Jorge Arturo Medina Estevez, bħala Proto-Djaknu jħabbar lil-Belt u lid-Dinja l-elezzjoni tal-Q.T. Il-Papa Benedittu XVI 19 t'April, 2005

X’hinu r-rwol tal-Kardinal Proto-Djaknu?

Il-Kardinal Proto-Djaknu għandu l-kompitu li jħabbar l-‘Habemus Papaem’, ċioè li jħabbar l-isem tal-Papa li jkun għadu kif ġie elett u li jkun aċċetta l-ministeru petrin. Li jħabbru kemm lil dawk li jkunu fi Pjazza San Pietru li jkunu hemm f’eluf kbar kif ukoll lill-bqija tad-dinja. Għalhekk il-kardinal Proto-Djaknu għandu dak l-irwol li jħabbar lid-dinja li l-isem ta’ dak li jkun għadu kif ġie elett Papa. Jintona l-‘Habemus Papaem’ u jiżvela l-isem tal-Papa l-ġdid.


 Xi tfisser il-frażi ‘Sede Vacante’?

Is-‘Sede Vacante’ huwa dak iż-żmien bejn it-telfa tal-Papa li jkun għadu kif miet u l-ħin tal-aċċettazzjoni ta’ dak li jkun għadu kif ġie elett Papa fil-konklavi. Dak l-ispazju ta’ żmien aħna nitkellmu dwaru bħala ‘Sede Vacante’.



Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kardinali waqt is-'Sede Vacante' tal-2005

Eminenza, int għandek l-esperjenza fuq spallejk tal-konklavi tal-2005. Tista tispjegali b'liema spirtu kardinal tal-Knisja Kattolika Apostolika Rumana jidħol għal-konklavi?

Wieħed għandu jidħol għal-konklavi b'sentimenti ta' serenita u bi stima kbira lejn is-sens ekkleżjali tal-Knisja. B'kuxjenza kbira wieħed għandu jqiegħed unikament fuq id-deċiżjoni tal-għażla tas-suċċessur ta' Pietru b'serenita kbira u b'sens profond ekkleżjali. Mingħajr problemi.


Kif għext is-‘Sede Vacante’ ta’ sitt snin ilu?

Għext dak il-perjodu ta’ żmien b’serenità u b’imħabba kbira lejn il-Knisja.


Il-Konklavi tal-2005


Xi rwol għandu l-kardinal fid-dinja u fil-Knisja tal-lum?

L-irwol tal-kardinal fil-Knisja u fid-dinja tal-lum huwa l-irwol ta’ dejjem. Illum il-ġurnata l-kardinali għandhom ikunu viċini tal-Papa fl-istudju u fis-soluzzjonijiet ta’ dawk il-problemi li s-soċjetà kontemporanja imponiet f’din l-era li qed ngħixu fiha lill-Knisja. Għaliex il-Knisja tgħix mas-soċjetà, fis-soċjetà u ġos-soċjetà. Allura l-kardinali għandhom dan ix-xogħol. Li jgħinu lill-Qdusija Tiegħu l-Papa, kif dejjem għamlu, sabiex jiġu riżolti l-problemi tal-lum. Allura għandhom iħaddnu r-rwol ta’ dejjem imma mmodifikat fil-Knisja u għaż-żmien li qed ngħixu fih.

Grazzi



















No comments:

Post a Comment