Il-Papa
Ġwanni Pawlu II
TOTUS TUUS
34 sena anniversarju mill-Elezzjoni ta' Ġwanni Pawlu II
Il-Konklavi ta’ Ottubru 1978: L-Elezzjoni tiegħu għas-Servizz Petrin
Il-Kardinal Karol Wojtyla jidher ibus id il-Papa Ġwanni Pawlu I
L-ewwel Papa ‘barrani’ wara sekli sħaħ ta’ Papiet Taljani. U dak l-entużjażmu kollu tal-poplu Ruman u anke tal-kumplament tad-dinja! Papa ġdid li ġie mill-Polonja. Papa żagħżugħ ibigħ is-saħħa, b’kapaċitajiet enormi, tant preparat! Ċertament li dan l-avveniment kien straordinarju.
Kif jgħid il-qawl Malti ... Il-bniedem
jipproponi u Alla jiddisponi … Hekk kien ġara f'dawk il-jiem ta' Ottubru, eżattament
bejn l-14 u s-16 tal-1978 f'Ruma.
Hadrian VI: L-aħħar Papa li ma kienx Taljan. Kien elett fl-1522.
Il-Kardinal ta' Krakovja, Karol Wojtyla, li kien ħa l-isem ta' Ġwanni Pawlu
II kien sar l-ewwel Papa mhux Taljan sa minn meta l-Olandiż Hadrian VI kien ġie
elett għall-istess Servizz Petrin fl-1522. Eżattament 456 sena qabel!
L-affarijiet kienu ġraw hekk:
Xokk kbir għall-Knisja
Kattolika
Il-Papa Ġwanni Pawlu I kien miet f'ħin bla waqt, fil-lejl ta' bejn it-28 u
d-29 ta' Settembru 1978 wara tlieta u tletin ġurnata jservi bħala Papa.
Il-kardinali rritornaw immedjatament lejn il-Belt Eterna, ħafna minnhom ixxukkjati
bit-telfa ta' Ġwanni Pawlu I. Kienu determinati li din id-darba jeleġġu lil xi
kandidat li jkun jidher aktar b'saħħtu.
Id-Dinja kienet ixxukjata bil-mewt tal-Papa tat-Tbissima
L-aħbar tasal għand
il-Kardinal Wojtyla
Kien għall-ħabta tat-7.45am tal-għodwa tad-29 ta' Settembru 1978, li
x-xufier tiegħu Jozef Mucha, wassal l-aħbar xejn sabiħa tal-mewt tal-Papa Ġwanni
Pawlu I lill-Kardinal Wojtyla, waqt li dan kien qed jieħu l-kolazzjon tiegħu.
Wojtyla jingħad li wara sekondi ta’ silenzju
nstema’ jgħid hekk ‘Il-Mulej jaħdem
b’toroq misterjużi ... Ejja nbaxxu rasna quddiemhom.’
Hu temm il-kolazzjon ħesrem, u nġabar għal sigħat sħaħ ta' kontemplazzjoni.
Il-Kardinal Karol Wojtyla jirritorna lejn Ruma

Il-Kardinal Giuseppe Siri
Il-Kardinal Giovanni Benelli
‘Min jidħol Papa ... joħroġ
Kardinal’
Mill-mewt ta' Albino Luciani sakemm beda l-konklavi ta' Ottubru tista’ tgħid
li kienu żewġ kardinali li ħarġu bħala l-aktar papabbli fuq il-kumplament tal-Kulleġġ
tal-Eletturi. Inħass ukoll li kien hemm klima ta’ aktar konvenzjoni ta’ partit
politiku milli ta’ għażla li kollha kemm hi kellha tiġi b’ispirazzjoni
tal-Ispirtu s-Santu!
Dawn kienu l-Arċisqof ta' Genoa, l-Arċikonservattiv u d-delfin ta' Piju XII
il-Kardinal Giuseppe Siri u l-Arċisqof ta' Firenze l-Kardinal Giovanni Benelli
li kien meqjus bħala l-id il-leminija ta' Pawlu VI, moderatament miftuħ, u li
fuq spallejh kellu għadd ta' snin ġmielu ta' esperjenza ta’ ħidma fil-Kurja
Rumana.
F'dak il-konklavi l-Kardinal Giuseppe Siri kien se jerġa’ jidħol bħala
l-aktar kardinal għoli fl-anzjanità fl-ordni tal-'Kardinali-Presbiteri' li hu
t-tieni livell tal-Kulleġġ Kardinalizju. Siri jibqa’ mfakkar għall-era
tat-tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija meta kien irnexxielu jipperswadi lin-Nazisti
sabiex ma jibbumbardjawx il-port ta' Genoa sigħat qabel ma kellhom jirtiraw
minn hemm.
Il-Kardinal Pericle Felici
Il-Kardinal Giovanni Colombo
Il-Kardinal Ugo Poletti
Għadd ta' kardinali mill-koalizzjoni ta' Benelli kienu ħasbu wkoll
fil-Kardinal Ugo Poletti, il-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta' Ruma, jekk ifallu
milli jeleġġu lill-kandidat tagħhom. Iżda oħrajn sostnew li jekk ifalli Benelli
kienu se jippruvaw isibu kardinal barrani bħala kandidat ta' kompromess. Qabel
ma marru għall-'barrani', it-Taljani kienu tefgħu wkoll għajnejhom fuq il-Proto-Djaknu,
li kien il-Prefett tat-Tribunal Suprem tas-'Segnatura Apostolica', il-Kardinal
Pericle Felici.
Il-kandidati ta' ‘kompromess’
Il-Kardinal Johannes Willebrands: L-għażla setgħet waqgħet fuqu
Jew
L-Arċisqof ta' Krakovja: Fil-konklavi t' Awissu kien rebaħ ħames voti!
Il-Kardinali Karol Jozef Wojtyla ta' Krakovja u Johannes Gerardus Maria
Willebrands ta' Utrecht kienu qed jiġu segwiti mill-kumplament tal-membri
eletturi fil-Kulleġġ Kardinalizju f'każ jekk l-għażla kellha taqa’ fuq kandidat
mhux ta' nazzjonalità Taljana. Willebrands kien madwar ħdax-il sena akbar minn
Wojtyla.
Il-Kardinal Franz Koenig: L-arkitett tar-rebha Wojtyliana
Madankollu l-Primat tal-Awstrija, l-Arċisqof ta' Vjenna, il-Kardinal Franz
Koenig kien aktar interessat fiż-'żagħżugħ' Wojtyla bħala l-persuna li setgħet
tifhem aktar it-tbatijiet tal-poplu mill-esperjenzi morri li kien mess magħhom
bħala prelat tal-knisja li kien ġej minn pajjiż minn wara l-purtiera tal-ħadid.
Il-Kardinal Krol: Kien wild ta' emigranti Pollakki
Sadanittant, il-Kardinal ta' Philadelphia John Krol, li kien wild ta’
familja Pollakka, kien kunfidenti li seta’ jipperswadi ħafna mill-kardinali Amerikani
sabiex jivvutaw għall-kardinal ta’ Krakovja.
L-arkitetti tal-elezzjoni u
l-istrateġija użata
Filwaqt li Franz Koenig kien ġie elevat bħala kardinal fl-ewwel konċistorju
tal-Papa Ġwanni XXIII f’Diċembru tal-1958, Woytyla u Krol missethom l-istess
responsabilità fl-istess konċistorju tal-1967, dak imsejjaħ din id-darba minn
Giovanni Battista Montini.
Minkejja li Franz Koenig kien ġej mill-‘ala’ tal-kardinali progressivi u
John Krol kien meqjus li jħaddan ideoloġija konservattiva, it-tnejn qablu li
Karol Wojtyla kien il-‘kandidat’ ideali għal dak iż-żmien delikat li l-Knisja
Kattolika kienet għaddejja minnu.
Il-kardinali mhux ta’ nazzjonalità Taljana kienu qed juru t-tħassib tagħhom
kemm għas-sitwazzjoni politika li kienet tinsab fiha l-Italja f’dik l-era kif
ukoll għall-iskandli finanzjarji li kienet imdaħħla fihom il-Kurja Rumana f’dak
iż-żmien. Għalhekk il-kardinali bdew jaħsbu li jekk jeleġġu bħala Papa,
kardinal ‘barrani’ dan seta’ jkun ta’ preġju u ass għall-Knisja Kattolika.
Anke l-Ġermaniż Hoeffner li kien l-Arċisqof ta' Cologne kien tal-istess
parir li l-kardinali Ġermaniżi kienu se jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Wojtyla
f'każ li l-għażla tmur fuq kardinal mhux Taljan. Huma kienu jissimpatizzaw
mad-determinazzjoni u s-sodizza tiegħu f'wiċċ il-gvern komunista Pollakk, kif
ukoll għall-intellett u l-pragmatiżmu politiku tiegħu.
Il-Ġermaniżi ħasbu wkoll li setgħu jinfluwenzaw lill-għadd ġmielu ta'
kardinali minn pajjiżi tat-tielet dinja, li kienu żdiedu qatigħ fi żmien
il-pontifikat ta’ Pawlu VI għall-għajnuna li l-Knisja Ġermaniża kienet tagħti lill-knejjes fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.
Anke l-kardinal Brażiljan Aloisio Lorscheider kien determinat li jivvota għal
Wojtyla għad-diskorsi li kien jagħmel fid-diversi Sinodi tal-Isqfijiet li hu
kien jattendi għalihom, għan-nifs kulturali li kellu, kif ukoll għad-determinazzjoni
li kellu għax-xandir tal-vanġelu kif ukoll għall-għajnuna li kien jagħti lill-foqra
u lill-emarġinati.
Fil-jiem li ppreċedew il-konklavi ta’ Ottubru tal-1978, il-kandidatura ‘mhux
dikjarata’ tal-Kardinal Wojtyla bdiet titlaħħam. L-arkitetti primarji tagħha
kienu Franz Koenig u John Krol minn ġewwa l-Kulleġġ Kardinalizju filwaqt li
l-isqof Pollakk Andrzej Deskur kien qiegħed jgħinu minn barra.
Il-Kardinal Ratzinger: Krejat kardinal fl-aħħar konċistorju ta' Pawlu VI
Koenig beda jibni l-koalizzjoni madwar il-kardinali hekk imsejħa ‘progressivi’
mill-Punent tal-Ewropa flimkien mal-kardinali Afrikani, dawn tal-aħħar bl-għajnuna
tal-Knisja Ġermaniża. Anke l-Kardinal Arċisqof ta’ Munich u Freising Joseph
Ratzinger, li dak iż-żmien kellu wieħed u ħamsin sena kien jaqbel li Wojtyla
kien il-kardinal idoneu għall-Papat f’dik l-era. Ratzinger kien għadu kif ġie
elevat għall-kardinalat madwar erbatax-il xahar qabel mill-Papa Pawlu VI
flimkien ma’ tliet prelati oħra fosthom Giovanni Benelli li kien meqjus bħala
qrib ħafna ta’ Montini.
Wojtyla viċin Montini
Minkejja li Giovanni Benelli kien meqjus viċin il-Papa Pawlu VI anke Karol
Wojtyla kien igawdi rispett kbir minn Montini. U dan nista’ nippruvah minn dawn
ir-rakkonti li se niżvelalkom.
Nhar id-29 ta’ Mejju 1967, ħdax-il ġurnata biss wara għeluq is-sebgħa u erbgħin
sena tiegħu hu kien ġie notifikat minn Ruma li l-Papa kien se jelevah għal kardinal.
In-nomina tiegħu għal Prinċep tal-Knisja kienet ġiet interpretata bħala sorpriża
għall-Knisja Pollakka. Dan minħabba li kien hemm bosta isqfijiet oħra ħafna
aktar anzjani għalih fil-ġerarkija tal-Knisja Kattolika fil-Polonja. Kien ċarissimu,
li rebaħ il-fiduċja ta' Pawlu VI bħala l-favorit tiegħu talli kien leali lejn
it-tagħlim tiegħu l-aktar fejn jidħlu l-materji tas-sess u l-moralità.
Wojtyla kien igawdi minn rispett kbir minn Montini.
Fl-istess żmien li l-Papa kien innominah għall-kardinalat, Montini kien
ipproponieh ukoll bħala membru ta’ tliet kongregazzjonijiet tal-Kurja Rumana.
Bejn l-1973 u l-1975 il-Papa Pawlu VI laqa’ lill-Kardinal Wojtyla fl-uffiċċju
privat tiegħu għal ħdax-il darba, bosta vatikanoloġisti jsostnu li dan in-numru
ta’ laqgħat bejniethom kien rekord għal kardinal mhux ‘Taljan’.
Jekk kien hemm xi dubji li Pawlu VI kien iqis lil Wojtyla bħala viċin tiegħu
waqgħu fir-randan tal-1976 meta stiednu sabiex jipprietka l-eżerċizzji
spiritwali għalih u għall-kumplament tal-Kurja Rumana. Nies fil-Kurja jsostnu
li għal predikatur li jagħmel dawn l-eżerċizzji għalih ikun ifisser bħala unur
kemm personali kif ukoll teoloġiku li jingħatalu mill-Papa li jkun għażlu.
Il-ktieb ta' l-Kardinal Karol Wojtyla: "Sign of Contradiction"
Għal dawn l-eżerċizzji li aktar tard Wojtyla kien ippubblikahom fi ktieb
bl-isem ‘Sign of Contradiction’ il-Papa Pawlu VI kien jattendi għalihom
imlibbes ix-xewk minn taħt l-ilbies pontifikali tiegħu b’sinjal ta’ penitenza.
Dak iż-żmien Montini kellu disgħa u sebgħin sena. Dawk li attendew għal dawn
il-meditazzjonijiet, li kienu saru fil-Kappella ta’ Santa Matilde indunaw li
l-pontifikat ta’ Pawlu VI kien wasal fil-viċinanza ta’ tmiemu.
Sorpriża kbira oħra għall-prelati li attendew għal dawn l-eżerċizzji kien
li Wojtyla kien ingħata deroga mill-Papa sabiex jagħmel dawn il-meditazzjonijiet
bil-lingwa Taljana u mhux dik Latina. Jista’ jkun ukoll li dan kien messaġġ
sottili ieħor ta’ Montini li ried juri lill-kardinali tiegħu li dan il-prelat
Pollakk seta’ faċilment iservi lill-Knisja bħala Papa fil-futur qrib.
Il-Kardinal Wojtyla kien
popolari diġà mal-Kulleġġ tal-Kardinali
L-ewwel vjaġġ tal-Kardinal Wojtyla lejn l-Amerika ta’ Fuq kien seħħ b’kumbinazzjoni.
Fil-fatt kien il-Kardinal Primat Stefan Wyszinski li kien mistieden għal dan
il-vjaġġ pastorali iżda minħabba li ma kienx jaf jitkellem bl-Ingliż u beża’
mill-konferenzi tal-aħbarijiet li kien ikollu jinvolvi ruħu fihom. Għalhekk hu
ma aċċettax li jmur. Għall-kuntrarju l-kardinal ta’ Krakovja, Woytyla laqa’
bil-ferħ din l-istedina u reħielha lejn l-Istati Uniti u l-Kanada fis-26 ta’ Awwissu
1969.
Wojtyla kompla jsiefer, bħalma għamel fl-1973 meta żar l-Awstralja, New
Zealand, Papua New Guinea kif ukoll waqfa żgħira fil-Filippini.
Bejn l-1967 u l-1978 il-Kardinal Wojtyla żar mal-ħamsin pajjiż differenti
fuq missjonijiet spiritwali bejn l-arċidjoċesi tiegħu u djoċesijiet oħra madwar
id-dinja.
Dawn iż-żjajjar komplew itejbulu l-Ingliż tiegħu. B’hekk kienu qed isiru
jafu bih ħafna kardinali konfratelli tiegħu.
L-aħħar jiem qabel
il-konklavi
Min-naħa tiegħu l-Isqof Deskur li kien personalità rispettata ħafna
fil-Kurja Rumana organizza lil Wojtyla diversi laqgħat meqjusa importanti bħal
dik mal-Kardinal Mario Nasalli Rocca di Cornelliano, mad-diplomatiku l-Arċisqof
Luigi Poggi li fil-passat kien anke ħadem fil-Polonja kif ukoll mal-kardinal ta’
Chicago John Cody li fl-arċidjoċesi tiegħu kellu eluf ta’ parruċċani li kienu
emigranti ta’ nazzjonalità Pollakka.
Deskur f’dik l-era kien il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni
Soċjali. Kien rispettat ukoll mill-ogħla prelati tal-knisja għas-sens kbir ta’ ‘bridge-building’
li kellu fih!
F’laqgħa oħra li l-Isqof Deskur kien organizza lill-Kardinal Wojtyla kienet
mas-Segretarju tal-Kardinal Benelli qrib il-Knisja ta’ San Stanislaw f’Via dei
Polacchi qrib Piazza Venezia. Għal din il-laqgħa kien attenda wkoll l-Isqof
Rubin, prelat Pollakk li kien is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Hemm ħafna spekulazzjoni dwar din il-laqgħa … hemm min jgħid li l-Kardinal
Benelli kien wiegħed il-vot tiegħu lil Wojtyla f’każ li l-konklavi jkun se jfittex
kardinal ta’ kompromess.
Aktar tard Deskur kien żvela li f’waħda mill-mixjiet tiegħu fil-ġonna tal-Vatikan
ma’ Wojtyla ftit jiem qabel il-konklavi kien ħass li Wojtyla kellu
s-sensazzjoni interna li kien dieħel għat-tmexxija tal-Knisja Kattolika. Imma
l-kardinali kienu lesti li jiksru t-tradizzjoni ta’ aktar minn erba’ mija u ħamsin
sena u jeleġġu kardinal mhux ta’ nazzjonalità Taljana? Naraw ’il quddiem.
Jingħad ukoll li fil-Kurja Rumana kienu qed jinbnew profili ta' kardinali
meqjusa 'papabbli'. Fost dawn il-profili kien hemm dak tal-Arċisqof ta'
Krakovja l-Kardinal Karol Wojtyla.
Madankollu, il-kardinali għall-ewwel ħallew f'idejn il-konfratelli
'Taljani' tagħhom sabiex jippruvaw jeleġġu kardinal Taljan għar-rispett li
kellhom għall-mijiet ta' snin ta’ tradizzjoni.
Il-Kardinal Siri ferut
Sfortunatament għall-Kardinal Siri beda jberraq minn ġurnata qabel ma
l-kardinali daħlu fil-konklavi. Intervista li hu kien ta lill-ġurnalist Gianni
Licheri għall-gazzetta Taljana 'La Gazzetta del Popolo', intitolata 'Io Papa?'
u bil-ftehim li din l-intervista kellha tiġi stampata meta l-kardinali jkunu magħluqa
fil-konklavi, eventwalment ġiet stampata ġurnata qabel. L-'embargo' ta' Siri ma
kienx ġie rispettat!
Fil-fatt f'din l-intervista l-Kardinal Siri kien ikkritika d-diskors
tal-installazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu I, ikkritika wkoll it-tagħlim tal-Konċilju
Vatikan II fejn tidħol il-kolleġġjalità tal-isqfijiet kif ukoll tkellem b'mod
sod għall-aħħar dwar il-bixriet demokratiċi tal-Knisja. B'hekk il-kardinali
eletturi setgħu jaqraw din l-intervista liberament. Siri kien ġie ferut għall-mewt!
Jintervjeni wkoll
'L'Osservatore Romano'
Kien fit-tlettax ta' Ottubru 1978, lejlet il-konklavi li din il-gazzetta
uffiċjali tal-Knisja Kattolika kienet ippubblikat artiklu fl-ewwel paġna tagħha
fejn l-editur tal-'Osservatore', Valerio Volpini, kien ħa l-pożizzjoni li kien
favur papat li jimpenja ruħu sew favur l-iżvilupp tal-kolleġġjalità episkopali
fit-tmexxija tal-Knisja kif ukoll favur it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-lajċi
u tal-'ekumeniżmu'.
Profeziji dwar l-elezzjoni
ta’ Karol Woytyla għall-Papat
Jingħad li wara l-ewwel konklavi ta’ Awwissu tal-1978, il-Papa Ġwanni Pawlu
I kien jitniegħed mal-membri tas-segretarjat tiegħu li ma kienx jaf għalfejn
il-kardinali kienu għażlu lilu bħala s-suċċessur ta’ San Pietru. L-aktar li
kien jagħmel hekk kien mas-segretarju tiegħu l-Irlandiż
Monsinjur John Magee. Kien jgħidilhom li hu ma kienx se jdum Papa u dalwaqt il-‘barrani’
kien se jissostitwih. Darba Monsinjur Magee kien staqsieh min kien il-barrani u
Papa Luciani kien qallu li l-‘barrani’ kien dak il-kardinal li kien bilqiegħda
eżattament faċċata tiegħu fis-Sistina waqt il-konklavi.
Il-Kardinal Wojtyla flimkien mal-Isqof Deskur iżur San Giovanni Rotondo
Aktar tard, wara l-mewt ta’ Luciani, meta Monsinjur John Magee ma baqax jagħmel
parti mis-Segretarjat Privat tal-Papa wara li kien innominat bħala ċ-Ċerimonjier
Liturġiku tal-Papa kien investiga dak li kien qallu Luciani qabel. Fil-fatt
il-pożizzjonijiet tal-konklavisti jaqgħu taħt ir-responsabilità diretta taċ-Ċerimonjier
Liturġiku. Monsinjur Magee meta fittex min kien bilqiegħda faċċata ta’ Luciani
sab li dak ma kien ħadd ħlief il-kardinal ta’ Krakovja Karol Wojtyla! Jiġifieri
Ġwanni Pawlu I kien jaf min kien se jissuċċedih.
28.11.1962: L-Arċisqof Wojtyla jibgħat ittra ta' ringrazzjament lil-Patri Piju ta' Pietrelcina għal-fejqan mirakoluż ta' mara polakka.
Profezija oħra dwar Wojtyla kienet saret minn Patri Piju ta’ Pietrelcina
fl-1962. L-Isqof Wojtyla kien talab lil dan il-mistiku sabiex jinterċiedi għal
omm Pollakka ta’ erbat itfal li kienet għadha kif ġiet dijanjostikata b’kankru
fl-intestini tagħha. Jingħad li meta l-assistent ta’ Patri Pio fetaħ l-ittra u
beda jaqra, il-Kappuċċin qallu li dan żgur ma jistax jgħidlu le. Hemm min jgħid
li aktar ’il quddiem wara li dik il-mara qalgħet il-miraklu ftit ħin qabel ma ġiet
operata Patri Piju kien qal li dak l-Isqof Pollakk li kien interċieda miegħu għal
dik il-mara, kien għad irid imexxi
l-Knisja Kattolika.
Id-Dekan tal-Kulleġġ
Kardinalizju jibqa’ barra mill-konklavi. Anke l-Viċi tiegħu
Il-Kardinal Carlo Confalonieri: Dekan tal-Kulleġġ Kardinalizju
Bħalma kien seħħ fil-konklavi ta’ Awwissu, id-Dekan tal-Kulleġġ
Kardinalizju l-Kardinal Carlo Confalonieri li kellu 85 sena kellu jibqa’ barra
mill-Kappella Sistina minħabba l-fatt li l-Papa Pawlu VI lura lejn tmiem l-1970
fil-‘Motu Propio’ tiegħu ‘Ingravescentam Aetatem’ kien elimina mill-konklavi
tal-futur lil dawk il-kardinali li jkunu għalqu t-tmenin sena qabel jibdew
l-iskrutinji. Għalhekk il-Kardinal Confalonieri minkejja li kien id-Dekan xorta
waħda ma kienx permess għalih li jirfes fis-Sistina.
Il-Kardinal Paolo Marella: Viċi-Dekan tal-Kulleġġ Kardinalizju
Anke l-Viċi-Dekan il-Kardinal Paolo Marella, li kellu 83 sena kellu jibqa’
barra wkoll.
Għalhekk fil-ħin tal-konklavi r-rwol ta’ Dekan ġie vestit mill-kardinal
fl-ordni tal-isqfijiet l-aktar li kien anzjan u li f’dan il-każ kien
il-Kardinal Jean Marie Villot li kien qed iservi lill-knisja wkoll fir-rwol ta’
‘Camerlengo’. Kien ukoll l-aħħar segretarju tal-istat tal-Papa Pawlu VI.
F’dan il-konklavi, il-‘Protodjaknu jiġifieri l-aktar kardinal anzjan mill-ordni
tal-kardinali djakni kien il-Kardinal Pericle Felici. Dan kellu rwol li mill-gallarija
prinċipali ta’ San Pietru jħabbar ‘lill-Belt u lid-Dinja’ l-elezzjoni tal-Papa
li jkun għadu kif ġie elett.
Karol Wojtyla daħal fil-konklavi wara nofsinhar tal-14 ta’ Ottubru ... Hekk
kif kien viċin il-bieb tal-klawsura tal-konklavi deher jgħannaq u jbus
lis-segretarju tiegħu, u fdat ħafna minnu, Don Stanislaw.
In-numru ta’ kardinali jibqa’
l-istess bħall-konklavi ta’ Awwissu
Għal dan il-konklavi reġgħu attendew mija u ħdax-il porporat. Għat-telfa
tal-Patrijarka ta’ Venezja għamel tajjeb għaliha l-kardinal kurjali l-Amerikan
John Joseph Wrigħt li ma kienx attenda l-konklavi ta’ Awwissu minħabba li kien
ma jiflaħx.
Il-Kardinal Boleslaw Filipiak: Miet siegħat qabel beda l-konklavi t'Ottubru 1978
Il-Kardinal Pollakk Boleslaw Filipiak li ma kienx attenda wkoll għall-konklavi
ta’ Awwissu ta’ qabel, miet fl-14 ta’ Ottubru fil-ġurnata li kellu jinfetaħ dan
it-tieni konklavi. Sa sentejn qabel dan il-Prelat Pollakk kien id-Dekan
tar-Rota Romana.
Jibdew l-iskrutinji
Wara l-ewwel vot l-Kardinal Siri kien jinsab fil-vantaġġ, imma ħafna
anqas mill-previżjoni tal-kardinali sħabu li kellu jirbaħ madwar ħamsin vot
mill-ewwel skrutinju. Benelli ma kienx tant bogħod minnu. Kien rebaħ ftit aktar
minn tletin preferenza. Woytyla f'dak il-ħin kellu ħames voti. Il-voti l-oħra
kienu jinsabu mifruxa fuq għadd ġmielu ta' kardinali Taljani oħra.
Fit-tieni votazzjoni jingħad li l-voti tal-Kardinal Siri naqsu b'madwar
sitta bil-Kardinal Benelli jmur fuq quddiem. Dan il-fatt kien ta’ allarm kbir għall-kardinali
Taljani li kienu jaħdmu fil-Kurja Rumana u kienu lesti għalkollox sabiex iżommu
lil Benelli milli jiġi elett Papa. Dan għall-fatt li l-Arċisqof ta' Firenze
meta kien għadu jaħdem il-kurja kien ħa
l-fama ta' karattru arroganti u ambizzjuż għall-aħħar.
Fit-tielet votazzjoni l-Kardinal Siri kompla jitlef il-voti li għaddew fi
preferenzi għall-kardinal ta' Milan Giovanni Colombo li kellu sitta u sebgħin
sena. Sadanittant Benelli kompla jirbaħ l-appoġġ u kien bogħod biss għal xi ħames
voti milli jiġi dikjarat elett.
Fir-raba’ votazzjoni kien hemm għadd ġmielu ta' kardinali li bidlu
l-alleanzi tagħhom u vvutaw lill-Kardinal Colombo bħala kandidat ta' kompromess
aċċettat mill-porporati Taljani. Fl-istess skrutinju l-voti ta' Wojtyla rdoppjaw,
minn ħames voti għal għaxar voti.
Madankollu, l-għada filgħodu l-Kardinal Colombo ddikjara quddiem il-Kulleġġ
tal-Eletturi li hu ma kienx interessat li jiġi elett Papa u anke f'eventwalità
li jiġi elett hu ma kienx se jaċċetta l-elezzjoni kanonika tiegħu. Hawn
il-konklavi ntefa’ f'inċertezza kbira.
B'din id-deċiżjoni l-kumplament tal-kardinali ma kinux qed jaraw kif xi
Taljan ieħor seta’ jkun elett. Anke jekk il-Kardinal Poletti kien ġab numru
sabiħ ta' voti. Kien kollu għalxejn!
Kien hawn li l-kardinali bis-serjetà, bdew iħarsu madwarhom għal kandidat
'barrani' għall-papat.
F'dak il-lejl ta' bejn il-15 u s-16 ta’ Ottubru, il-Kardinal Koenig
ikkampanja bil-miftuħ favur il-kandidatura ta' Wojtyla. Jingħad anke li kien
mar ikellem lill-Primat Pollakk il-Kardinal Stefan Wyszinski. Kien mar iħeġġu
li kien se jirsisti għall-elezzjoni ta' Wojtyla u stiednu sabiex jipperswadi
lil Wojtyla sabiex jekk jiġi elett jaċċetta l-elezzjoni tiegħu għall-Papat.
Fil-fatt il-Kardinal Wyszinski immedjatament wara li temm il-laqgħa mal-Awstrijak,
telqilha lejn iċ-ċella numru sitta u disgħin dik ta’ Wojtyla. Hu sabu jitlob.
Madankollu bħalma għamel dejjem miegħu mexa b’mod dirett. Qallu bl-eventwalità
u bil-possibilità tal-elezzjoni tiegħu. Qallu sabiex jaċċetta l-elezzjoni tiegħu
għall-Polonja. F’ħinijiet minnhom Wyszinski deher jgħannaq lil Wojtyla u jsabbru
għall-piż li kien se jaħbat miegħu f’xi ħin matul il-ġurnata tal-għada. Qabel
telaq miċ-ċella ta’ Wojtyla, Wyszinski kien profetiku miegħu. Qallu li hu kien
se jkun il-Papa li jdaħħal lill-Knisja għat-tielet millennju.
Il-Primat tal-Polonja l-Kardinal Wyszinski flimkien mal-Kardinal Wojtyla
Sa qabel ma kellmu Koenig, Wyszinski kien qiegħed jivvota għal Giuseppe
Siri għall- kuntrarju ta' Wojtyla li kien qed jappoġġja lil Benelli.
Fil-ħames skrutinju l-vot favur Wojtyla reġa' rdoppja. Din id-darba minn għaxar
voti għal għoxrin preferenza! Kien f’dan il-ħin beda jivvota għal Wojtyla
l-Kardinal Belġjan Leo Suenens. Fl-istess ħin, ġie reġistrat ukoll appoġġ
sinifikanti lejn l-Arċisqof Olandiż ta' Utrecht Johannes Willebrands.
Fis-sitt votazzjoni qabel ma l-kardinali marru jieklu l-ikla ta' nofsinhar il-vot
favur l-Arċisqof ta' Krakovja reġa’ rdoppja minn għoxrin vot għal erbgħin vot!
F’dan l-iskrutinju l-koalizzjoni mmexxija minn Krol u Koenig irnexxielha
tipperswadi lill-Kardinal ta’ Madrid Enrique Y Tarancon sabiex jibda jivvota għall-Arċisqof
ta' Krakovja.
Meta l-kardinali reġgħu nġabru fis-Sistina sabiex jitfgħu s-seba’ skrutinju
tagħhom il-Kardinal Willebrands ħeġġeġ lill-kardinali li kienu vvutawlu sabiex
jappoġġjaw il-kandidatura tal-Pollakk li wara s-seba’ votazzjoni kien biss żewġ
voti ’l bogħod mill-elezzjoni tiegħu.
Fatt ħelu dwar l-Arċisqof
tal-Gwatemala l-Kardinal Mario Casariego
Fatt ħelu bi ftit umoriżmu li seħħ f’dan il-konklavi fil-ħin li l-kardinali
kienu qed jivvutaw. Minkejja li l-Kardinal Wojtyla ma kienx xi wiċċ ġdid ma’ ħafna
mill-membri tal-Kulleġġ Kardinalizju, il-Kardinal Casariego, mill-Gwatemala, qatt
ma kien sema’ bih. Fil-fatt meta dawk li bdew jgħoddu l-voti bdew isejħu l-isem
ta’ Wojtyla, Casariego beda jifhem li kienu qed isejħu lill-Kardinal ’Bottiglia’.
B’vuċi li nstemgħet, hu dar lejn il-kardinal ta’ maġenbu sabiex jurih min kien ‘Bottiglia’.
Kien hawn li Siri u xi kardinali viċini tiegħu dehru jtuh fuq spalltu għax
Wojtyla kien viċin tiegħu.
Aktar tard Casariego kien żvela li meta Wojtyla kien ġie elett Papa u mar
itih l-ewwel sinjal ta’ ubbidjenza waqt li kien qed jinkinah, b’umoriżmu kbir
il-Papa Pollakk qallu ‘Issa taf min hu Bottiglia!’
Karol Woytyla elett Papa
Kien fis-16 ta’ Ottubru ftit minuti wara l-ħamsa ta’ filgħaxija li l-‘Camerlengo’
bħala s-sostitut għad-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, il-Franċiż Jean Marie
Villot għajjat għat-tmien skrutinju. F’dak il-ħin kienet tinħass tensjoni kbira
f’dawk li kienu qegħdin bilqiegħda ffaċċjati bil-pittura tal-ġudizzju
universali.
Fl-aħħar ħinijiet qabel ma l-kardinali reġgħu bdew jivvutaw, din id-darba
kien il-Kardinal Sebastiano Baggio li kompla jsaħħaħ il-kandidatura tal-Pollakk
bil-vot tiegħu u ta’ xi Taljani oħrajn li kienu lesti jidħlu għal dan ir-riskju
inkalkolabbli. Ma’ Baggio, fost l-oħrajn kien hemm ukoll Pellegrino u Poma.
Hekk kif beda l-qari tat-tmien skrutinju aktar ma beda jgħaddi ż-żmien
deher biċ-ċar l-eċċitament fuq il-Kardinal Wojtyla. Mhux l-eċċitament negattiv ...
mhux eċċitament ta’ ambizzjoni iżda l-biża’ tal-piż spiritwali kbir li kien se
jaqa’ fuqu. Jingħad li f’ħinijiet minnhom deher jiħmar u jgħatti wiċċu b’idejh għal
diversi drabi. Deher ukoll jikteb xi ħaġa b’mod mgħaġġel fuq karta li kellu
quddiemu.
Fit-tmien votazzjoni l-Kardinal Woytyla rebaħ madwar disgħa u disgħin vot
mill-mija u għaxar kardinali li kienu qed jivvutaw fis-Sistina.
Madwar għaxar kardinali li kienu qed jappoġġjaw lill-kandidatura ta' Siri
din id-darba tefgħu l-vot tagħhom 'vojt'. Baqgħu stinati sal-aħħar u ma ridux
jafu bil-kandidatura ta’ Wojtyla.
Kien għall-ħabta tas-16 ta’ Ottubru 1978 fil-5.18pm li l-Kardinal Villot ħabbar
li l-Kardinal ta’ Krakovja kien għadu kif ġie elett Papa tal-Knisja Kattolika
Appostolika Rumana. Id-dikjarazzjoni ta’ Villot kienet waħda maħnuqa minn ċapċipa
kbira tal-kardinali li kienu qed juru l-ewwel sinjal tagħhom ta’ ubbidjenza
lejn il-Papa elett. Issa kien jonqos l-aċċettazzjoni ta’ dak elett!
Il-Kardinal Jean-Marie Villot: Il-"Camerlengo" fiż-żewġ "Sede Vacante" tal-1978
Hawn daħal fix-xena l-‘Camerlengo’ tal-Knisja Kattolika, mill-ġdid il-Kardinal
Franċiż Jean Marie Villot li bil-pass kajman tiegħu u li kompla jimla bl-eċċitament
lil dawk preżenti fis-Sistina. Jingħad li sakemm Villot resaq quddiem
il-Kardinal ta’ Krakovja sabiex isaqsih għall-aċċettazzjoni tal-elezzjoni
kanonika tiegħu kellu jagħmel madwar tnax-il pass. "Acceptasne electionem de te canonice factam in Summum Pontificem?” kienet il-frażi tal-Camerlengo Villot lejn
il-Papa elett.
Karol Woytyla wieġeb hekk: ‘B’ubbidjenza u fidi
lejn Kristu, u b’fiduċja lejn il-Madonna, u tal-Knisja, minkejja
d-diffikultajiet kbar, jien naċċetta!’
Kien hawn li Woytyla sar is-suċċessur tal-Prinċep
tal-Appostli.
Jingħad li qabel ma ddikjara li ismu kellu jkun Ġwanni
Pawlu II, kellu x-xewqa interna li jieħu l-isem ta’ Stanislaw għal San
Stanislaw isqof martri minn pajjiżu li madwar disa’ mitt sena qabel kien ħa
l-martirju mir-Re Bolislaw. Dan ir-re
kien ikkundannah għal qtugħ ir-ras. Kien il-Papa Innoċenzu IV li f’Assisi kien
ikkanonizzah fl-1253 bħala l-ewwel qaddis Pollakk. Hu għadu l-qaddis prottettur
tal-Polonja, ta’ Krakovja, kif ukoll ta’ xi djoċesijiet oħra Pollakki.
Ninsab ċert li lejlet il-konklavi fl-aħħar lejl
li l-Kardinal Wojtyla kien raqad fil-Kulleġġ Pollakk, hu kien kiteb anke poeżija
ta' ħames paġni u li semmieha 'Stanislaw'. Daqshekk kien qed ibergħen f'moħħu
dan l-isem sa sigħat biss qabel ma huwa daħal fil-klawsura tal-konklavi. Din
il-poeżija għadha għall-wiri fil-Kulleġġ Pollakk fi Piazza Remuria f'Ruma.
Darba waħda waqt li kont qed nintervista lill-Kardinal Zenon Grocholewski u staqsejtu dwar dan l-aspett hu kien weġibni hekk:
"Iva … seta’ kien il-fatt.
Hu kien imsaħħar minn dan il-qaddis … San Stanislaw kien Isqof ta' Krakovja,
kien maqtul mir-re, … maqtul mir-re waqt li kien qed jiċċelebra l-quddiesa. Għalhekk
persunaġġ sabiħ ħafna."
Il-Papa li kien għadu kif ġie elett kellu biss tmienja u ħamsin sena. Kellu
jmexxi lill-Knisja Universali ta’ madwar biljun Kattoliku Ruman għal aktar minn
sitta u għoxrin sena.
Jingħad li kien il-Primat tal-Polonja, il-Kardinal Stefan Wyszinski li
pperswadieh sabiex jieħu l-isem ta' Ġwanni Pawlu II, b'turija ta' rispett lejn
Papa Luciani li kien miet ftit aktar minn xahar mill-elezzjoni tiegħu għas-Servizz Petrin.
Minkejja li din l-elezzjoni fetħitlu l-bieb li meta għadda minnu sar
protagonist denju fix-xena diplomatika dinjija hu baqa’ jħoss ruħu bħala
patrijott Pollakk, filosfu Pollakk, poeta Pollakk kif ukoll politiku Pollakk!
Il-Proto-Djaknu l-Kardinal
Pericle Felici u Don Stanislaw
Hekk kif il-Proto-Djaknu ħareġ fil-Loġġja tal-Bażilika Kostantinjana ta'
San Pietru sabiex iħabbar isem il-Papa li kien għadu kif ġie elett,
mal-intonazzjoni ta' kunjomu ġab xi ftit tal-inċertezza minħabba li anke kien
hemm min ħaseb li l-konklavisti kienu setgħu għażlu xi kardinal minn pajjiż
Afrikan. F'dik l-okkażjoni, il-Kardinal Felici kien deher ukoll serju u mhux daħkan
bħalma kien meta deher fl-istess loġġja f'Awwissu ta' qabel sabiex iħabbar
l-elezzjoni għas-Servizz Petrin tal-Patrijarka ta' Venezja l-Kardinal Albino
Luciani ... Dwar dan il-fatt għandi wkoll ix-xhieda tal-Kardinal Zenon
Grocholewski. Dan il-porporat qal hekk:
"Però meta ġie mħabbar
ismu li kien ġie elett Papa jien kont qiegħed fil-Kulleġġ Pollakk, kont
fil-Kulleġġ Pollakk ma’ għadd ta' studenti, konna qed naraw it-televiżjoni u
f'daqqa waħda deher il-Kardinal Felici biex iħabbar l-elezzjoni tal-Papa. Hekk
kif il-Kardinal Felici deher fuq it-televiżjoni jien mill-ewwel indunajt li xi ħaġa
ma kinetx qed tinkwadra ... għax jien kont naf lill-Kardinal Felici għal
diversi snin ... Hu kien il-Prefett tas-Segnatura Apostolica fejn kont naħdem
jien. Kien ċajtier u daħkan u hawn deher serju għall-aħħar. Kien jidher imħasseb
għal din l-elezzjoni straordinarja … Hu li kien Ruman, kien jikteb il-poeżija
bil-Latin … It-tieni ħarġa tiegħu mill-gallarija f'xahrejn! ... Iva fl-ewwel waħda
deher daħkan … iżda t-tieni darba deher serju u meta beda 'Annuntio Vobis
Gaudium Magnum Habemus Papaem ‘Carolum' dak il-ħin splodejna bil-ferħ u
komplejna … 'WOJTYLA!! u hu kompla Sanctae Romana Ecclesiae Cardinalem Wojtyla ...
Kien ferħ immens … l-istudenti kollha.
Sa sigħat qabel beda l-konklavi l-Kardinal Wojtyla kien ospitat f'dan
il-Kulleġġ Pollakk fi Piazza Remuria.
Sadanittant fil-ħin li l-Kardinal Felici ħabbar isem il-Papa l-ġdid, is-Segretarju
Privat ta' Wojtyla, Don Stanislaw kien jinsab fi Pjazza San Pietru viċin
il-funtana tax-xellug. Ħin wara hu ġie meħud lejn il-klawsura tal-konklavi, mill-Marixxal
tal-Konklavi l-Markiż Giulio Sacchetti fejn wara ddaħħal mill-Kardinal Villot
sabiex isellem lill-Papa l-ġdid waqt li dan kien diġà qiegħed jiċċena
mal-kardinali. Hekk kif resaq lejh, il-Papa Ġwanni Pawlu II qallu: 'Ara
x'ikkumbinaw!'
Minuti wara Don Stanislaw ġie mistieden sabiex jiċċena mas-Segretarju
tal-Konklavi Monsinjur Ernesto Civardi, ma’ Monsinjur Virgilio Noè u ma’ xi
uffiċjali oħra li ħadmu f'dan il-konklavi. Din l-ikla seħħet f'sala viċin fejn
kien qiegħed jiċċena l-Papa Pollakk.
Aktar tard Don Stanislaw irritorna sabiex jistrieħ fiċ-ċella tiegħu
fil-Kulleġġ Pollakk però hu kompla jiċċelebra dan l-avveniment storiku għall-pajjiż
mal-kumplament tas-saċerdoti Pollakki f'dan il-Kulleġġ fi Piazza Remuria.
Jistaqsi għall-Isqof Deskur
Hekk kif lesta mill-ewwel barka tiegħu, waqt li kien dieħel lura, fil-ħin
li kien qiegħed jiġi kkumplimentat mill-Kulleġġ Kardinalizju hu kien staqsa għat-tabib
tal-konklavi li kien Dottor Renato Buzzonetti. Wojtyla kien jaf li dan it-tabib
kien ħabib sew tal-Isqof Deskur li jiem qabel il-konklavi kien sofra attakk ta'
puplesija. Il-Papa 'żagħżugħ' poġġa jdejh fuq l-ispalel tat-tabib Taljan.
Staqsieh kif kien jinsab il-ħabib tiegħu Monsinjur Deskur. It-tabib qallu li
kien ilu jumejn ma jisma’ bl-iżvilupp tas-saħħa ta' Deskur minħabba li
s-sistema telefonika kienet maqtugħa minħabba l-klawsura tal-konklavi. Sa dak
il-ħin is-sistema telefonika kienet għadha maqtugħa. Il-Papa ordna lit-tabib
sabiex iġiblu din l-informazzjoni xorta waħda! Din il-laqgħa qasira kienet seħħet
fis-Sala Regia fil-Vatikan.
Sigħat wara l-Papa ħareġ għall-ewwel darba mill-Vatikan sabiex seta’ jmur iżur
lill-ħabib kbir tiegħu Monsinjur Deskur li kien rikoverat fil-Policlinico Gemelli.
Darba minnhom, il-Kardinal Angelo Sodano li aktar tard serva lil dan
il-Papa għal ħmistax-il sena bħala s-Segretarju tal-Istat tiegħu kien
ikkummentali hekk dwar l-eżitu ta' din l-elezzjoni:
“Meta kien elett għat-Tron
ta' San Pietru, hu kien kuxjenti mid-drama li kienet qed iseħħ fil-pajjiżi
tal-Lvant, dik il-purtiera enormi tal-ħadid li kienet itellgħet wara t-Tieni
Gwerra Dinjija u allura kien iħossha bħala impenn personali din il-ħidma għal-libertà
tar-reliġjon. ‘L-istati mhumiex il-padruni taċ-ċittadini tagħhom ... imma qegħdin
hemm għas-servizz taċ-ċittadini tagħhom.’ Il-libertà reliġjuża hi essenzjali bħal-libertajiet
l-oħra kollha.”
Nagħlaq b’dak li nstema’ jgħid il-Kardinal Belġjan Josef Leo Suenens ftit
sigħat wara li ħareġ mill-konklavi:
“Aħna ħdimna sabiex nitfgħu
l-Knisja fix-Xlokk, imma l-providenza tefgħetna fit-Tramuntana.”
No comments:
Post a comment