PRO MARIJI U VJERI NADI I LJUBAVI
Ma Marija, fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba
Frank Zammit
jintervista
L-Eminenza Reverendissima Tiegħu
Il-Kardinal Vinko Puljic
Arcisqof Metropolita` ta' Sarajevo
Kardinal Presbiteru ta' "Santa Chiara a Vigna Clara"
Il-Kardinal Vinko Puljic u Frank Zammit waqt l-intervista
Fejn kont tinsab meta l-Papa
kien ħabbar li kien ser jikkreak kardinal?
Dan seħħ fl-1 ta’ Novembru
1994. Wieħed min-Nunzji tiegħu kien ġie Sarajevo sabiex iwassal l-ittra tiegħu
li kienet tgħid li kont ser niġi kreat kardinal. Hu kien iċċelebra l-quddiesa
fil-Kattidral li kien mimli daqs bajda. Bi strateġija tawwal kemm seta’ l-quddiesa
sa nofsinhar fil-ħin li l-Papa ħabbar l-ismijiet tal-prelati li kienu ser jiġu
kkreati kardinali. Hekk kif il-Papa ħabbar ismi l-kongregazzjoni miġbura
fil-kattidral bdiet iċċapċap u tapprova. Kelli biss disgħa u erbgħin sena u
għal disa’ snin sħaħ kont bqajt l-iżgħar ċellola fil-Kulleġġ Kardinalizju.
Il-konċistorju kien seħħ nhar il-Hadd 2 ta’ Novembru 1994. Lura f’pajjiżi kelli
nirritorna lejn Sarajevo fis-skiet tal-lejl qisni xi ħalliel. Il-Papa kien
viċin ferm tiegħi. Hu kien żar Sarajevo bejn it-12 u t-13 t’April 1997. Kien
anzjan imma niftakar sew kemm kien għamel diskorsi sbieħ f’pajjiżi.
Eminenza, b’liema spirtu
għandu jidħol f’konklavi, kardinal tal-Knisja Kattolika Apostolika
Rumana?
Personalment
il-parteċipazzjoni tiegħi fl-aħħar konklavi kienet tista’ tgħid esperjenza
kbira għalija. Għaliex hemmhekk wieħed ikun fil-Knisja tant minn ġewwa.
Il-Knisja ta’ min jemmen, ta’ min jitlob, ta’ dak li għandu l-isperanza li jkun
jaf x’irid Alla minnu. Għalija l-konklavi kien l-akbar eżerċizzju spiritwali li
qatt attendejt għalih. Kont emozzjonat ħafna f’dik il-proċessjoni, l-aktar hekk
kif bdejna deħlin lejn is-Sistina fil-ħin tal-kant tal-Veni Creator u
tal-Litanija tal-Qaddisin. Ħassejtni wkoll eċċitat fil-ħin li kont qed nieħu
l-ġurament, anke fil-ħin li kont qed nitlob waħdi f’kamarti. Impressjonajt tant
ruħi. Irritornajt lejn Sarajevo b’rikkezza spiritwali hekk kbira! Kienet
esperjenza tal-biki bil-ferħ!
Eminenza kif skoprejt
il-vokazzjoni saċerdotali tiegħek?
Jien kont diġà abbati meta kont
nattendi l-iskola elementari. Kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel u kont diġà
nħoss li l-pajjiż fejn kont ngħix kien nieqes mil-libertà. Sabiex kont nista’
nitkellem mas-saċerdoti kont nagħmel hekk fis-sigriet fil-ħin li kont inkun
fis-sagristija. Niftakar sew f’wieħed minn dawn is-saċerdoti li kien
ippersegwitat u kkundannat il-ħabs u meta dan irritorna lejna f’dik l-era
Komunista kien tkellem magħna l-abbatini dwar l-esperjenza tiegħu fil-ħabs u
mit-tant esperjenzi koroh li kellu jgħaddi minnhom hemmhekk. Kellimna b’mod
kalm u mingħajr l-iċken rabja jew sens ta’ tpattija. Kont ammirajtu ħafna. Xi
ġmiel kien l-ispirtu tiegħu. Lanqas kellu l-iċken rimors għal dawk li
ppersegwitawh. U jien għedt: “Jien irrid ngħix bħal dan il-bniedem.” Wara li
temmejt l-iskola elementari, wara tmien klassijiet, hu kien staqsieni: “Vinko
trid issir qassis?” Kien hawn li tlabt il-permess u l-barka ta’ missieri sabiex
inkun nista’ nibda nattendi s-seminarju minuri. Din id-deċiżjoni ma kinetx
faċli għax fiż-żmien il-Komuniżmu l-awtoritajiet ma kinux ikunu kuntenti meta
kienu jaraw xi membru ta’ familja dieħel f’xi seminarju. Infatti kif dħalt
fis-seminarju missieri tilef ix-xoghol tiegħu u l-familja tiegħi kollha spiċċat
mingħajr l-ebda sigurtà. Kont iddispjaċut għat-tbatija ta’ familti u kont
tkellimt ma’ saċerdot li dan wegħedni l-għajnuna tiegħu. Għax sabiex wieħed
jattendi s-seminarju ikun irid jixtri ħafna affarijiet, bħal ħwejjeġ u kotba.
Niftakar lil missieri jgħidli: “Vinko ninsabu kollha f’idejn Alla mingħajr
l-iċken problema.” Wara li temmejt l-istudji fis-seminarju minuri dħalt f’dak
maġġuri u ġejt ordnat qassis fl-1970. Din id-deċiżjoni tant kienet għamlitni
kuntent.
X’inhuma l-miri tal-Knisja
Kattolika fl-Arċidjoċesi ta’ Sarajevo?
Aħna nixtiequ li nibqgħu
ngħixu f’dan il-pajjiż bħala Knisja organizzata. Tul il-konflitt telqu eluf
kbar ta’ fidili bħala refuġjati u wara t-tmiem il-gwerra dawn ma rritornaw qatt
lejn il-pajjiż. Qabel il-gwerra l-Arċidjoċesi li jien inservi fiha kienet ta’
madwar ħames mija u tmienja u għoxrin elf ta’ Kattoliċi. Illum l-istess
arċidjoċesi tgħodd biss mitejn elf ruħ. Aktar minn nofs il-Kattoliċi baqgħu ‘l
barra mill-pajjiż bħala refuġjati. Dan għaliex mhux qed jaraw xi prospettiva
sabiex jirritornaw. Jien ninsab imħasseb ħafna dwar dan l-aspett anke sabiex
inġedded u norganizza mill-ġdid lill-Arċidjoċesi mmexxija minni.
Erġajt bdejt ninnomina
lill-kappillani f’kull parroċċa. Anke jekk m’hemmx bini ta’ knisja, anke jekk
m’hemmx djar il-kappillani rritornaw u bdew kollox mil-ġdid, mix-xejn! Irridu
nerġgħu norganizzaw lil din l-arċidjoċesi minn din il-komunità ċkejkna, minn
dawn il-parroċċi żgħar. Jien bdejt neduka anke liż-żgħażagħ sabiex jedukaw
lilhom infushom anke fi skejjel kattoliċi. Dawn l-iskejjel kattoliċi jkopru
r-razez etniċi kollha. Jeżistu ħames ċentri differenti f’ibliet differenti.
Wieħed isib, skejjel primarji, sekondarji u oħrajn. Għandna ċentru
għaż-żgħażagħ li semmejnieh għal Ġwanni Pawlu II fejn hemm anke s-servizz ta’
qassis sabiex imexxi dan iċ-ċentru mhux biss għal Sarajevo iżda wkoll sabiex
jifrex tant proġetti t’assistenza mal-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Organizzajna kemm seminarji
minuri kif ukoll dawk maġġuri għaliex mingħajr il-qassisin il-Knisja
m’għandhiex futur. Hu ta’ importanza kbira li nedukaw liż-żgħażagħ għas-saċerdozju.
Organizzajna wkoll ċerti programmi bl-għajnuna tal-Cartitas kemm proġetti
soċjali għall-anzjani sabiex jirritornaw lejn djarhom. Il-Caritas tgħin ħafna
fir-riintegrazzjoni tagħhom.
Hemm anke proġetti għal-lajċi
li jgħinu lill-Knisja lokali. Ħdimt ħafna wkoll fuq il-Kunsill Pastorali u fuq
il-Kunsill Presbiterali imma bħalissa l-aktar importanti hu li nagħtu sinjal
lill-Ewropa, li din torganizza djalogu fejn aħna niġu stmati ndaqs. Ninsab
imħasseb ħafna għax bħalissa m’hemmx sens t’ugwaljanza kemm fil-livell politiku
kif ukoll fil-livell ekonomiku. Nixtiequ nappoġġjaw dan il-proċess sabiex
nikkreaw stat normali fejn aħna nkunu stmati ndaqs.
X’tiftakar personalment dwar
il-Papa Ġwanni Pawlu II ?
It-tifkira
tiegħi dwar Ġwanni Pawlu II hija ta' meta rċevejt l-aħbar tan-nomina tiegħi ta'
Arċisqof. Niftakar, li kont beżgħan ħafna, u ma xtaqtx naċċetta. Il-Papa beda
jinsisti u qalli li kien importanti li naċċetta. Kompla jgħidli: Nixtieq nagħti
kap għal din id-djoċesi. Fl-aħħar aċċettajt. Grazzi għal Alla l-Imbierek kelli
ħafna proġetti f'moħħi b'mod partikolari kif xtaqt norganizza l-knisja lokali,
imma din il-ħolma tiegħi ntemmet ħesrem minħabba li kienet bdiet il-gwerra
traġika li damet erba’ snin.
Tul il-gwerra,
il-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II kien missier kbir magħna. Dejjem kien
viċin is-sofferenza tagħna li dejjem segwieha b'parteċipazzjoni b'saħħitha.
Ħafna drabi kien jistedinni sabiex inkellmu dwar is-sitwazzjoni li konna
ninsabu fiha. Kien xtaq ħafna li jżur il-Bosnia, l-aktar lil Sarajevo sabiex
jagħti l-messaġġ tal-paċi tiegħu. Fl-1994, fit-8 ta' Settembru, kollox kien
lest għaż-żjara tiegħu però fl-aħħar ħin ir-Rappreżentant Għoli Internazzjonali
ma kienx ippermetta ż-żjara tiegħu f'Sarajevo. Konna b'diqa kbira għal din
id-deċiżjoni imma l-Papa kien ittrażmetta d-diskors tiegħu fuq ir-radju
tal-Vatikan. Dakinhar il-Papa kien tkellem bil-Kroat. Il-poplu ta' Sarajevo
kien inġabar fil-katidral sabiex jisma’ l-messaġġ tal-Papa. Il-knisja
kienet mimlija daqs bajda iżda kien hemm silenzju kbir. Bdejna nibku waqt li
bdejna nisimgħuh.
Wara d-diskors
inġbarna fis-seminarju maġġuri għal ikla żgħira meta f'dak il-ħin irċevejt
telefonata mingħand il-Papa. Imma dan kif seta’ jkun possibbli? Il-linji
telefoniċi ma kinux jiffunzjonaw, kienu blokkati. Il-Papa kien ċempilli minn
linja telefonika speċjali. Dak il-ħin qisni ma stajtx inkellmu. Kont blokkat.
Għedtlu biss: 'Santita, grazzi ta' kollox.' Wara ma rnexxieli ngħidlu xejn
aktar. Kien xtaq itina l-barka appostolika u l-appoġġ tiegħu.
Ħafna mill-popolazzjoni ta’
Sarajevo hija ta’ fidi Iżlamika. X’rapporti għandek mal-Musulmani?
Il-Musulmani tagħna mhumiex Musulmani Għarab. Huma Slavi. Tul il-Gwerra tal-Balkani kien hemm influss kbir
mill-pajjiżi Għarab li bidlu l-mentalità
tal-pajjiż imma tul il-gwerra kif ukoll wara jien kont
nersaq lejhom permezz tad-djalogu. Infatti aħna l-erba’ kapijiet tar-reliġjonijiet differenti konna organizzajna Kunsill Inter-Reliġjuż. Kull sena kien jippresiedi wieħed minn dawn l-erba’ mexxejja reliġjużi. Kull sena kien ikun hemm kap reliġjuż differenti. Permezz ta’ dan
il-kunsill konna sibna triq li waslitna għal dawk l-affarijiet li stajna
nwettqu flimkien. Kien jiffunzjona. Dan id-djalogu kien jiddependi anke
mill-politika. Meta l-politiċi jwettqu l-ugwaljanza, allura d-djalogu jikber.
Meta ma jkunx hemm ugwaljanza dan id-djalogu kien jispiċċa mblukkat. Ma kienx
faċli għaliex meta tkun f’minoranza mal-Musulmani jinbtu ħafna problemi
mhux mal-Musulmani nfushom imma fil-livell amministrattiv, dak politiku kif
ukoll f’dak burokratiku.
X’inhuma l-biżgħat fit-tul u
l-isperanzi tiegħek għal pajjiżek ?
It-trattat ta’ Dayton
innikitni. Mhuwiex realizzat. U meta emendawh dawruh kontra l-poplu Kroat. Dan
il-fatt ġab problema, għax meta ma ħallew l-ebda drittijiet għall-Kroati kien ifisser tnaqqis kbir
ta’ fidili Kattoliċi fil-pajjiż. Jien kont beżgħan li ser nitlef ħafna mill-fidili tiegħi. Jien bħala ragħaj Kattoliku dejjem
appoġġjajt u għaddejt fis-saċerdoti tiegħi, fir-reliġjuzi
u anke fil-fidili tiegħi dak ir-raġġ ta’ tama, ta’ kuraġġ li ngħixu f’pajjiżna bi prospettiva ta’ futur aħjar u b’impenn
sod.
Bejn l-1997 u l-1999
ippublikajt żewġ kotba. L-ewwel wieħed kien “Per amore dell’uomo. Testimone di
Pace a Sarajevo” u t-tieni wieħed ikun “Non cancellate il uomo. Un grido di
speranza da Saraievo”. Eminenza tista’ ttini ftit riflessjonijiet dwar dawn
iż-żewġ pubblikazzjonijiet?
Dawn iż-żewġ kotba, kont
ippreparajthom f’dokumenti tul il-gwerra. Dejjem xtaqt ngħaddihom
lill-pubbliku. Iddedikajt dan ix-xogħol għall-paċi fid-dinja. Bħala xhieda wara
kont ippubblikajt aktar xogħlijiet sabiex nuri s-sitwazzjoni f’pajjiżi tul
il-gwerra. X’għamlet il-knisja tul dan il-konflitt reġjonali. Jien tkellimt
l-aktar f’isimha sabiex nuri l-prinċipji li aħna nemmnu fihom kemm tul
il-gwerra kif ukoll wara, Tkellimt f’isem il-paċi, favur id-drittijiet
tal-bniedem l-aktar għal dawk emarġinati sabiex intihom tama għall-futur.
Issa li għadda ż-żmien mhux
ħażin mill-gwerra, kif tista’ Sarajevo tkun il-futur u mhux il-passat
tal-Ewropa?
Sarajevo trid tiġi realizzata
bħala Belt fir-realtà tagħha, li fiha jgħix poplu ħiereġ minn tliet qasmiet
etniċi differenti. Huwa ħasra li f’dan l-aħħar żmien Sarajevo qed tiżviluppa
biss bħala belt Musulmana. Jien nitnikket għax kultant il-Musulmani ma jifhmux
dak li jkunu qed jgħidu. Jgħidu li huma tolleranti imma mhux hekk il-każ. Iridu
jiġu realizzati wkoll affarijiet oħra. Kull min mhux qed jgħin sabiex iħalli
lill-Bosnja Herzegovina tgħix ir-realtà multietnika tagħha qiegħed jiżballja.
X’tiftakar dwar
il-bumbardimenti li sofra pajjiżek mill-ajru?
Kien żmien ikrah. Kienet
gwerra kerha. Speċjalment meta Sarajevo ġie ċċirkondat. Madwar sitt mitt kanun
kienu qed jisparaw fuq beltna. Mhux kuljum iżda f’xi ħin kuljum tul l-iljieli.
Kull sekonda kienet taqa’ bomba. Għalija kienet xi ħaġa terribbli l-aktar
għal-livell psikiku tiegħi. Tul il-gwerra jien kont inlaqqa’ liż-żgħażagħ sabiex
nitolbu flimkien fil-kappella tiegħi. It-talb kien isaħħaħna spiritwalment u
kien itina s-saħħa sabiex inkomplu ngħixu fit-tama. U dan għalina kien
importanti.
X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja
fil-Bosnia Herzegovina dwar il-possibbiltà tad-dħul tal-pajjiż fl-Unjoni
Ewropea ?
Jien ġejt fi Brussels sabiex
nagħti messaġġ. Tlabna lill-Ewropa sabiex tgħin lill-Bosnia Herzegovina sabiex
nikkreaw stat normali, tlabna wkoll l-appoġġ tal-Ewropa għall-kreazzjoni
tax-xogħol fil-Bosnia u anke sabiex nimplimentaw il-prinċipji demokratiċi
għall-kreazzjoni ta’ stat normali f’pajjiżi. Aħna ġeografikament Ewropej. Jien
qed nistenna mill-Ewropa anke impenn sod kemm politiku kif ukoll ekonomiku.
Kif jistgħu jgħixu flimkien
il-Kattoliku u l-Musulman f’Sarajevo?
Jien naħseb li fejn teżisti
l-ugwaljanza sabiex naħdmu flimkien qatt ma jista’ jkun hemm xi problema.
Il-poplu miż-żewġ naħat hu mdorri li jawgura
l-festa t-tajba lin-naħa l-oħra li tkun qed tiċċelebra xi avveniment
importanti. Ħafna mill-Musulmani jawgurawlna l-festi
tal-Milied u l-Għid it-tajba. Aħna nawgurawlhom għall-festi tagħhom. Dan huwa
importanti imma jiddependi wkoll anke mill-mass media għax il-mass media xi kultant tipprovoka
sitwazzjonijiet li jkunu meqjusa bħala negattivi u li wieħed jista’ jgħaddi
mingħajrhom. Jiddependi anke mill-politika. Però l-poplu kollu jixtieq jgħix
fil-paċi.
Grazzi
No comments:
Post a comment