Friday, 16 November 2012

Il-Kappella Sistina tagħlaq ħames mitt sena
(It-Tieni Parti)


Il- Ġudizzju Universali
Il-Ġudizzju Universali - Il-ġenjalita ta' Michelangelo

Michelangelo

Michelangelo kien fis-sittinijiet tiegħu meta kien msejjaħ lura fil-Kappella Sistina, għal darb'oħra kontra r-rieda tiegħu, sabiex ipitter Il-Ġudizzju Universali (1535-1541) fuq il-ħajt tal-altar. Din il-ħidma kienet ikkummissjonata lilu mill-Papa Klement VII (1523-1534) ftit qabel il-mewt tiegħu, u kkonfermata  mis-suċċessur ta'  Klement VII, il-Papa Pawlu III Farnese (1534-1549). sfurzati Michelangelo kien ġie mqiegħed taħt pressjoni  biex ilesta malajr. Dan kien l-akbar affresk tas-seklu u li għadu  meqjus bħala kapulavur mill-akbar.

Kristu, l-Imħallef. Bistwietu Ommu, Sidtna Marija

Dan ix-xogħol tant  qawwi juri  lil  Kristu bħala l-Imħallef, li jikkundanna lil-ħżiena lejn l-infern bl-id tax-xellug tiegħu u li jtella lil-ġusti lejn  il-ġenna bl-użu tal-id il-leminija tiegħu.
Fiż-żewg arkati  ta` fuqu  hemm numru ta' anġli  mingħajr ġwienaħ, li qed iżommu  l-istrumenti tal- Passjoni Tiegħu – s-Salib, u  l-Kolonna, li magħha kien flaġellat.

L-anġli bit-trumbetta jħabbru bidu ġdid: Jidher ukoll l-Arkanġlu San Mikiel

Taħtu,  hemm  żewġ martri, u, taħt dawn, hemm l-anġli  bit-trumbetti, waqt li  jħabbru it-Tieni Miġja Tiegħu.
Fil-qiegħ nett tal-pittura wiehed jinnota l-irġiel  u n-nisa fuq ix-xellug  qegħdin iqumu mill-mewt.

Il-ġusti

L-anġli jidhru qegħdin jeħduhom lejn il-ġenna.

Il-mitluf

Fuq il-lemin, jidhru l-anġli huma u jitfgħu l-irġiel kattivi lejn l-infern, fejn xitan kbir b'għajnejn qishom faħam jidher ikeċċihom minn fuq dgħajsa u xjaten oħra jidhru  jiġbduhom l-isfel lejn post terribbli.

Minos, l-Imħallef tal-Erwieħ: l-immaġini taċ-Ċerimonjier papali , Biagio da Cesena

Notevoli fost il-ħafna dettalji jinstab Minos, l-Imħallef tal-Erwieħ, muri fl-infern b'widnejn kbar ta' ħmar. Huwa l-immaġini taċ-Ċerimonjier papali , Biagio da Cesena, li ta' spiss kien  jilmenta mal-Papa dwar in-nudiżmu tal-figuri mpittra f'dik l-opra tal-arti, fejn kien  qal: Kien l- aktar att diżonest f'post tant rispettabbli fejn kienu mpittra tant figuri nudi tant li b'tant immodestja jiżvelaw il-partijiet intimi tagħhom, liema arti ma kienux adatti għal-kappella papali iżda għal xi dar ta' fama ħażina.
Meta Biagio ressaq l-ilment tiegħu lill-Papa dwar it-tpoġġija tiegħu fl-infern fil-pittura Michelangelo, il-Papa Pawlu III wieġbu li hu  ma kellu ebda ġurisdizzjoni fuq l-infern.

L-immaġini tal-pittur tidher fil-wiċċ tal-ġilda misluħa ta' San Bartilmew

L-immaġini ta' Michelangelo  tidher darbtejn fil-pittura tal-Ġudizzju Universali: fil-ġilda misluħa miżmuma minn San Bartilmew fil-martirju terribli tiegħu u fil-figura fil-kantuniera tax-xellug t'isfel, dak il-figura li  qed jinnota l-qawmien tal-mejta mill-oqbra tagħhom.
Hemm kważi erba mitt figura fix-xogħol kollu, ħafna minnhom fid-daqs ta' bniedem jew akbar.

San Pietru
San Sebastjan, San Bjaġju u Santa Katerina ta' Lixandra
X'uħud minnhom kienu maħsuba minn Michelangelo sabiex ikunu  identifikati. Per eżempju, il-figura kbir fuq ix-xellug ta'Kristu biċ-ċwievet  tal-ġenna f'idejh ma  jista' jkun ħadd  għajr San Pietru, u l-mara bil-framment ta' rota għandha tkun Santa Katerina ta' Lixandra li tidher bl-istrument tal-martirju tagħha.
Imma jekk Michelangelo kienx ħaseb li jpitter aktar personaġġi speċifiċi oħra mill-Bibbja jew l-istorja jew saħansitra personaġġi oħra minn dik l-era rinaxximentali, l-ebda wieħed jista jgħid b'ċertezza.

Giorgio Vasari

Din il-pittura ġabet zvolta  fl-istorja tal-arti. Vasari bassar  l-impatt fenomenali ta' din l-opra ġenjali: "Din l-opra sublimi", kiteb, "għandha sservi bħala mudell għall-arti tagħna.  Il-Providenza Divina ikkonferixxiet fuq id-dinja biex turi kemm l-intelliġenza  tista' tittratta lil ċerti persunaġġi fid-dinja. Esperti li jifhmu f'dan il-qasam għandhom jirtogħdu waqt li jkunu qed jikkontemplaw dwar mit-tfassil sat-tmiem ta' din l-opra meraviljuża. Fil-preżenza ta 'din il-ħidma ċelesti, is-sensi jibqgħu paralizzati, u wieħed jista' biss jimtela bl-għageb  dwar ix-xogħlijiet li seħħew qabel u dwar x-xogħlijiet li għad iridu jiġu".
 (Tmiem it-Tieni Parti)


Ikun mfaħħar l-Isem Mqaddes t'Alla



No comments:

Post a Comment