Tuesday, 18 December 2012

L-aċċettazzjoni ta’ Marija

L-aċċettazzjoni ta’ Marija





Hawn jien il-Qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek,’ kienet ir-risposta ta’ Marija għas-sejħa ta’ Alla permezz tal-Anġlu Gabrijel. Żjara li s-suġġett tagħha ma kienitx Marija. Imma kien l-Iben ta’ Alla li kellu jitwieled minn Marija.
Żjara li f’dawk il-ġranet ma kinietx l-ewwel waħda li għamel l-Arkanġlu Gabrijel. Sitt xhur qabel l-istess arkanġlu kien mar Ġerusalemm u mhux Nażaret. Kien mar mhux f’belt tal-Galilija li ma jaf biha ħadd, imma kien mar fil-kapitali politika u reliġjuża. Kien mar għand saċerdot, wieħed mill-istituzzjoni reliġjuża mhux għand xebba sempliċi.
Imma din ix-xebba sempliċi kienet il-fqira fl-ispirtu dejjem miftuħa għall-Mulej. Din l-anawim kienet il-Hienja, l-Imbierka u l-Preferuta tal-Mulej. Kien f’Marija li l-Mulej kien jaħdem komdu. Għax Marija kienet dejjem miftuħa għal dak li Alla ried mill-ħajja. Tant hu hekk li l-evenġelista San Luqa jgħidilna li l-anġlu tal-Mulej deher lil Żakkarija imma daħal għand Marija. Ir-relazzjoni ta’ Żakkarija ma Alla kienet esperjenza minn barra. Relazzjoni marbuta ma’ kmandamneti u obbligi lejn Alla.
Imma r-relazzjoni ta’ Marija ma Alla kienet mibnija fuq komunikazzjoni interjuri. Kien għalhekk li l-anġlu seta’ jidħol għandha. Il-messaġġ tal-Mulej kien parti minn ħajjitha. Marija kienet dik l-imbierka li mhux biss tisma’ il-kelma ta’ Alla, imma lesta li dejjem tagħmel dak li jrid Hu.
Kif jgħidilna l-Papa Pawlu V1 fl-eżortazzjoni ‘Marialis Cultus,’ Marija hija l-mudell ta’ kull nisrani għax tgħallimna li l-Kelma ta’ Alla trid tkun mhux biss mismugħa imma anki milqugħa u mxandra. Il-Kelma ta’ Alla issir il-Bxara t-Tajba għalina u tista’ tinkarna fina, jekk bħal Marija ninterjorizzawha.
Il-vangelu jsir il-Bxara t-Tajba jekk iwassalna ghad-decizjoni ta’ qadi ghal dak li jrid il-Mulej. Il-fidi mis-smigh tal-kelma ta’ Alla. Min jisma’ l-Kelma, immexxi mill-Ispirtu s-Santu, bħal Marija, isir hu nnifsu qaddej ta’ dak li jisma’. Luqa jipprezentalna lil Marija bhala l-ewwel wahda li tisma’ din il-Bxara t-Tajba ta’ salvazzjoni, taccetta li ssir qaddejja taghha u fl-ahhar tmur ‘thaffef lejn il-gholjiet,’ biex ixxandarha.
Dan huwa l-process tad-dixxiplu. Dan huwa l-mod li bih Luqa jipprezenta lil Marija mhux biss bhala l-ewwel dixxiplu imma wkoll bhala mudell tad-dixxiplu.

Dun Ġorġ Dalli- Swieqi, Malta


Il-"Magnificat"
(Lq 1, 46-55)

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,*
U l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.
Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.*
Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;*
Qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien*
Fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,*
Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,*
U għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,*
U l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu,*
Għax ftakar fil-ħniena tiegħu
-bħalma wiegħed lil missirijietna - *
B’risq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben*
U lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,*
U jibqa’ ghal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Luqa 1, 46-55


No comments:

Post a Comment