Friday, 21 December 2012

(MT) - Iż-żjara tar-ragħjja – Dawk tal-aħħar jiġu l-ewwel

Iż-żjara tar-ragħjja – Dawk  tal-aħħar jiġu  l-ewwel

L-adorazzjoni tar-ragħjja


Ir-ragħjja kienu l-ewwel li ġew mistiedna sabiex iżuru l-maxtura fejn kien jinsab mfisqi t-Tarbija-Feddej.
Kienu fost l-ewlenin li taw ix-xhieda tagħhom għal dan l-att infinit ta’ mħabba ta’ Alla li wera permezz ta’ dan il-wild.  Alla li ntroduċa lil-Ibnu mhux f’xi kumdita ta’ xi palazz iżda bħala l-ifqar fost il-fqar f’għar il-barra mil-belt davidika ta’ Betlehem.
F’dik l-era r-ragħjja kienu ‘l-emarġinati’ tas-socjeta. Ma kienux jogħddu. Bħaż-żagħżugh David, ir-ragħaj ta’ Betlehem li ma kienx ġie magħdud fost ħutu meta l-Profeta Samwel kien żar lil-missieru Ġesse,  sabiex ifittex u jsib lil dak li kellu jsir ir-ragħaj tal-poplu.
Dawn kienu jiddiferenzjaw għal-kollox mir-ragħaj tal-univers, Cesare Augustus, u r-rappreżentant tiegħu fir-reġjun, Quirinius. Skond il-loġika evanġelika kif dejjem kienet sa mill-prinċipju, dik t’Alla li ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar u dawk tal-aħħar l-ewwel. Augustus kien l-ewwel persunaġġ fl-Imperu, u r-ragħjja kienu l-aħħar fost l-aħħar. Disprezzati mil-bqija tas-soċjeta, kienu assimilati mal-annimali li magħhom kienu jigħxu; ma kellhomx personalità legali, dawn ma setgħux lanqas biss jixhdu f’qorti.
Kienu l-ewwel nies li aduraw lit-Tarbija-Feddej. Ir-ragħjja rrakuntaw dak li ġie rakkuntat lilhom mill-anġli u għalhekk saru l-messsaġġiera tal-bxara t-tajba, tal-vanġelu. Dawk li kienu l-aħħar saff tas-soċjeta nbidlu fl-ewwel appostli tal-Feddej!
Frank Zammit - Marsa, Malta



No comments:

Post a Comment