Friday, 15 February 2013

Statement by the Bishops of Malta: The Church joins Pope Benedict XVI in prayer

ĦEJJU T-TRIQ GĦALL-MULEJ
Statement by the Bishops of Malta: The Church joins Pope Benedict XVI in prayer
Il-Papa Benedittu XVI mal-isfqijiet Maltin waqt iż-żjara "Ad Limina Apostolorum"
L-E.R.T. L-Isqof Awżiljarju Msgr Dr Charles J. Scicluna
 
L-aħbar tar-riżenja tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI waslet bħal sajjetta fil-bnazzi! Tnikkitna qatigħ meta smajna lill-Missier tagħna l-Papa jgħid li l-kundizzjoni ta’ saħħtu ma tippermettilux li jkompli jwettaq il-ministeru tiegħu bħala Kap tal-Knisja. Aħna li nafu kemm il-Papa jħobb lil Ġesù u lill-Knisja tiegħu, nistgħu nimmaġinaw b’liema għafsa ta’ qalb il-Papa wasal għal din id-deċiżjoni. Daqstant ieħor u aktar, qalbna tingħafas meta b’din id-deċiżjoni, aħna qed nitilfu ragħaj qaddis bħalma hu l-Papa Benedittu.

Aħna l-Maltin u l-Għawdxin għandna rispett u għożża lejn il-Papa Benedittu XVI, mhux biss għax għal dawn it-tmien snin rajna fih il-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art, imma wkoll għaliex hu għandu rabta speċjali magħna. Għadha esperjenza ħajja fil-memorja tagħna ż-zjara pastorali li għamel fostna f’April 2010, kif ukoll ir-rigal kbir li tana meta ddikjara lil Dun Ġorġ Preca qaddis.

Aħna l-Isqfijiet ta’ Malta u ta’ Għawdex nixtiequ nesprimu l-apprezzament kbir tagħna għall-persuna u għall-ħidma appostolika tal-Papa Benedittu XVI u nħeġġu lill-Insara kollha jitolbu għalih u għall-Knisja universali.

B’sinjal ta’ solidarjetà mal-Papa Benedittu XVI u b’sens qawwi ta’ fiduċja f’Alla li mhux ser iħallina iltima, qed nagħmlu sejħa lill-Knejjes tagħna biex illejla jingħaqdu magħna waqt quddiesa li ser niċċelebraw għall-ħtiġijiet tal-Papa.

PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta

MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta
Illejla fis-6.30 p.m. l-Arċisqof  Pawlu Cremona O.P. ser jiċċelebra Quddiesa fil-Knisja ta’ Santa Tereza, Birkirkara, filwaqt li fis-7.00 p.m. l-Isqof Mario Grech ser imexxi konċelebrazzjoni fis-Santwarju Ta’ Pinu, Għawdex, biex jitolbu għall-Papa Benedittu XVI.

Sors: Arċidjoċesi ta' Malta


No comments:

Post a Comment